Il-Partit Nazzjonalista baqa’ jirrepeti l-istess kritika negattiva tiegħu fil-konfront tal-Budget li ħabbar Gvern Laburista għas-sena d-dieħla.
Dan deher ċar waqt li, aktar kmieni llum, kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji b’rabta mal-Budget rigward l-akkomodazzjoni soċjali.
Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo tenna li Gvern Laburista ġab lil pajjiżna bħal fi żmien li fih inkitbet in-novella ta’ Oliver Twist, ‘Charles Dickens’. Dan filwaqt li reġa’ sostna li Malta misset dak li sejjħlu “il-qiegħ bla qiegħ”.
Il-Partit Nazzjonalista kompla jirrepeti l-istess kritika negattiva tiegħu għall-Budget li ħabbar il-gvern Laburista għas-sena d-dieħla.
Dan għamlu permezz tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo li, waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji għall-Budget b’rabta mal-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, irrepeta li Gvern Laburista ġab lil Malta bħal fi żmien Charles Dickens.
Huwa għamel ukoll riferenza diretta għan-novella ta’ Oliver Twist, fejn it-tfal jiġru ħafjin, jittalbu u jisirqu, biex ikunu jistgħu jieklu. Dan għamlu f’tentattiv li jipparaguna dan ma’ pajjiżna.
“Ġabuna – għidt diġà u nerġa’ ngħidha – bħal żmien Charles Dickens: ‘More Food’.”
Din mhux l-ewwel darba li Bartolo, f’isem il-Partit Nazzjonalista, ħareġ b’din il-kritika. Huwa kien ħareġ b’dan il-paragun f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, ftit tal-jiem ilu.
“Qishom ġabuna bħal fi żmien Charles Dickens.”
Din ma kienetx l-unika ħaġa li Bartolo rrepeta minn dik il-konferenza tal-aħbarijiet, hekk kif għal darba, darbtejn, tlieta, qal li taħt Gvern Laburista, Malta misset dak li sejjaħlu “il-qiegħ bla qiegħ”.
“Mhux bilfors aħna ngħidu li missejna l-qiegħ bla qiegħ? Ma missejniex il-qiegħ bla qiegħ? Kif ma nistax ngħid li missejt il-qiegħ bla qiegħ?
Bartolo qal dan minkejja li l-poplu Malti huwa l-uniku fl-Ewropa li ma rax imqar ċenteżmu żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils grazzi għas-sussidji b’saħħithom tal-Gvern. Fil-fatt, dan is-serħan il-moħħ ġie assigurat għas-sena d-dieħla wkoll hekk kif il-Gvern alloka aktar minn €600 miljun biex jagħmel tajjeb għal dawn iż-żidiet.
Dan apparti żieda oħra fil-pensjonijiet ta’ €12.50 bħala parti mill-mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja u ħemel ta’ miżuri soċjali oħrajn li jammontaw għal nefqa rekord ta’ kważi żewġ biljun ewro.
Iżda għal Bartolo, bħall-Kap Bernard Grech qablu, dan huwa ħela.
“Li tiddejjen fil-ħela.”