L-istess persuna, li għaxar snin ilu ffirmat ir-rapport tat-telfa Nazzjonalista fejn ġie indikat ċar u tond ir-raġunijiet għal xiex ħafna persuni kienu abbandunaw lill-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien, illum hi stess qed tirrepeti l-istess żbalji li kienet ġibdet l-attenzjoni dwarhom.
Dan hu s-sentiment fid-Dar Ċentrali u li rrappurtat dwaru l-gazzetta KullĦadd lejn il-Professur Mary Ann Lauri, waħda mill-awturi tar-rapport tat-telfa kkummissjonat fl-2013 mill-Kap ta’ dak iż-żmien Simon Busuttil.
Illum Lauri tokkupa l-irwol ta’ President tar-Riċerka tal-Partit Nazzjonalista.
Fuq il-kundizzjoni tal-anonimità, sors tal-gazzetta KullĦadd fi ħdan id-Dar Ċentrali rrimarka li l-affarijiet fil-PN mhux biss ma nbidlux f’dan iż-żmien kollu, iżda baqgħu sejrin għall-agħar.
Mal-KullĦadd, is-sors saħaq hekk:
“Tista’ tgħid li issa għaqqad iċ-ċirku … fis-sens li dak li kien isir ħażin mit-tmexxija Nazzjonalista għaxar snin ilu baqa’ prattikament l-istess. Dawk li kienu tqabbdu mill-establishment biex jindikaw x’hemm bżonn jitranġa, qed jirrepetu l-istess żbalji flok poġġew fil-prattika dak li kitbu huma stess.”
Fl-aħħar Kunsill Ġenerali tal-PN ġimagħtejn ilu hi ħarġet tgħajjar lil dawk li telqu mill-PN u sejħitilhom beżżiegħa u opportunisti, fost oħrajn.
“L-armchair critics jagħtuna ħafna pariri. Ħafna lezzjonijiet b’dak li jiktbu u jgħidu.”
Il-KullĦadd spjegat kif l-uniku rapport tat-telfa li għamel il-Partit Nazzjonalista, wara elezzjoni ġenerali jew tal-Kunsilli Lokali u l-Parlament Ewropew fl-aħħar għaxar snin, kien elenka l-arroganza, il-weġgħat tan-nies u “l-klikka li tmexxi lill-PN” bħala raġunijiet għall-ammont sostanzjali ta’ nies li kienu telqu minn ħdanu u ħafna minnhom kienu saħansitra vvotaw lill-Partit Laburista.
Ir-rapport kien sar mill-Professur Lauri, flimkien ma’ Ann Fenech, Simon Mercieca, Rosette Thake u Malcolm Custò.
Iżda llum Mary Anne Lauri qiegħda tmur kontra dak stess li kitbet fir-rapport u tgħajjar lin-Nazzjonalisti li m’għadhomx jagħmlu parti mill-Partit fl-Oppożizzjoni jew jiddikjaraw li m’għadhomx jagħrfu lill-PN li kienu jafu.
Mal-KullĦadd, is-sors temm jgħid hekk:
“Fil-fatt, ir-rapport tal-2013, kien jindika li kien hemm firdiet profondi fil-PN, li kien hemm arroganza, li l-PN kien jidher qed jitmexxa minn klikka u li għandu establishment…jindika wkoll li ntilfu nies validi u kapaċi mill-PN. Bażikament dak li Mary Ann Lauri kitbet fl-2013 għadu kollu japplika llum, bid-differenza li bid-diskors tagħha fil-Kunsill Ġenerali jidher li hi stess inħakmet mill-ambjent negattiv u ta’ firda fil-Partit Nazzjonalista.”