Il-Partit Nazzjonalista kontra s-sussidju għall-enerġija jibqa’ kif inhu mogħti mill-Gvern biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija għall-familji u n-negozji.
Permezz tal-kandidata Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Louise Ann Pulis, il-partit ta’ Bernard Grech saħaq li s-sussidju fuq id-dawl ma għandux jingħata lil kulħadd, inkluż lill-fabbriki li jħaddmu l-ħaddiema li jaqilgħu l-għajxien tagħhom għall-familji.
Il-Kummissjoni Ewropea wkoll qed tgħid lil Gvern Malti biex iwaqqaf is-sussidju fuq l-enerġija, xi ħaġa li l-Gvern baqa’ sod u jgħid li jrid iżommu favur il-familji u n-negozji biex iżomm ekonomija b’saħħitha li baqgħu jiċċertifikawha b’mod b’saħħtu l-esperti internazzjonali bħal Moody’s fl-aħħar rapport tagħhom.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni wkoll kien tkellem kontra s-sussidju fuq l-elettriku li qed jagħti l-Gvern wara li kien diġà ddikjara li jekk il-prezzijiet jogħlew barra minn Malta, pajjiżna jkun kostrett li jagħmel l-istess għaċ-ċittadini tiegħu.
Qal, “Li tibqa’ tissussidja l-eneġija żgur li mhijiex l-aktar għażla sostenibbli.”
Louise Ann Pulis, li kienet qed tieħu sehem f’dibattitu fosthom mal-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Thomas Bajada, spiċċat anki tħawwad fuq is-sussidju li qed jagħti l-Gvern fuq l-elettriku.
Fl-istess programm fuq ix-xandir, Pulis ma eskludietx koalizzjoni oħra, din id-darba ma’ Arnold Cassola.
Koalizzjoni oħra għall-Partit Nazzjonalista tfakkar lin-nies f’dik li kien għamel Simon Busuttil meta baqgħet imlaqqma bħala l-koalizzjoni tal-konfużjoni.