Il-Partit Nazzjonalista pprova jqarraq dwar l-investimenti kbar li qed isiru fil-produzzjoni tal-enerġija, settur kruċjali għall-għajxien tal-poplu u l-iżvilupp tal-pajjiż.
Fi stqarrija l-Oppożizzjoni qalet li l-Gvern ġie jitmejjel milli jagħmel l-istudji dwar l-impatt ambjentali fi proġett biex il-pajjiż ikun imħejji bl-aħjar mod għal meta tiżdied id-domanda, partikolarment fis-sajf.
Minkejja dan, kontra l-impressjoni qarrieqa tal-Partit Nazzjonalista, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, immexxi minn Miriam Dalli, tenna li qed jiġi segwit il-proċess ambjentali kollu kif mitlub mill-Unjoni Ewropea f’każi simili.
Fil-fatt, ingħad li l-proċess tela’ għall-approvazzjoni tal-bord tal-ERA li wkoll qabel dwaru b’mod unanimu. Dan anke meta wieħed jiftakar li l-istess Oppożizzjoni hi rappreżentata fuq il-bord ta’ din l-awtorità minn Chris Ciantar, l-eks Segretarju Permanenti tal-Ministru George Pullicino.
B’reazzjoni għall-istqarrija ffirmata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Rebekah Borg, ingħad mill-Ministeru għall-Ambjent li, għax Gvern Laburista jippjana għall-futur qiegħed jaċċerta ruħu li jippjana għal kwalunkwe eventwalità anke jekk ikun hemm żieda fid-domanda għall-elettriku minħabba sħana aktar qawwija minn dik li pajjiżna esperjenza fl-2023.
Il-Ministeru qal li Gvern Laburista kien dejjem ċar dwar il-fatt li se jżid il-kapaċità f’każ li jkun hemm żieda qawwija biss u allura f’każ ta’ emerġenza għal ftit sigħat biss.
“Altru mill-impressjoni li riedet tagħti l-Oppożizzjoni, li b’mod konvenjenti ma semmiet xejn dwar dan. L-Oppożizzjoni l-unika pjan li għandha hu li tgħolli l-kontijiet bil-proposta tal-liberazzjoni tas-suq,” qal il-Ministeru, filwaqt li kompla li “Gvern Laburista aċċellera l-investiment fid-distribuzzjoni u se jkompli jinvesti favur provvista tal-elettriku. Min hu popolist ma joħroġx b’soluzzjonijiet.”