F’dibattitu politiku fuq TVAM, id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus ipprova jqabbel l-impatt ekonomiku li ħalliet il-kriżi finanzjarja fl-2008 ma’ dik tal-pandemija.
Dan anke meta l-kandidat Laburista Jonathan Attard kien qed isemmi s-sitwazzjoni ekonomika xejn sabiħa li ħallew Gvernijiet Nazzjonalisti sal-elfejn u tlettax.
Hawnhekk Jonathan Attard fakkar lill-kandidat Nazzjonalista fl-għajnuna kruċjali li Gvern Laburista ta lin-negozji, ħaddiema u familji Maltin u Għawdxin fi żmien ta’ pandemija.
Sostenn, li skont l-oppożizzjoni ta’ Bernard Grech kien tberbiq ta’ flus.
Qal, “Inthom il-wage supplement sejjaħtulu tberbiq ta’ flus.”
Dwar il-qasam tal-enerġija, li skont Ryan Callus il-Gvern Laburista ma’ għamel xejn, il-kandidat Laburista fakkar kif kien il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi li ma kellux soluzzjoni għal dan.
Qal, “Fuq il-kwistjoni tal-kontijiet qed jgħidilna li kellhom ikunu orħos, meta l-istess Partit Nazzjonalista kien jgħidilna li Alison Wonderland, kien se jibgħat lin-nies jixgħelu l-washing machine mal-lejl, l-unika soluzzjoni li sabu jew itihom erba’ bozoz.”
Intant, fuq TVAM ġie nnutat kif Gvern Laburista żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u n-nies jafu li jekk ser jingħata l-fiduċja, hekk se jibqa’ jagħmel għax għandu l-kredibilità.
Qal, “Hemm il-ftehim neċessarju li nassiguraw li għaż-żmien li ġej inżommu s-sitwazzjoni stabbli u affordabbli għan-nies. Dik nistgħu nagħtuha dik il-garanzija, in-nies jafu li fl-aħħar snin żammejna l-prezzijiet stabbli u żammejna mal-commitments tagħna fl-aħħar mill-aħħar. Allura fl-2013 in-nies jafu li raħħasna l-kontijiet 25%, in-negozji ukoll jafu li żammejna l-kelma tagħna magħhom.”