Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob reviżjoni drastika fid-distretti elettorali ta’ pajjiżna, billi propona ċ-ċaqliq ta’ aktar minn mitejn elf votant minn distrett għal ieħor.
Il-gazzetta KullĦadd irrapportat kif tibdil drastiku fid-distretti bħal mhi tipproponi l-Oppożizzjoni qatt ma saret fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna. Fil-fatt, l-istess gazzetta żvelat kif l-aħħar darba li ġara dan kien ħamsin sena ilu, fejn il-Partit Nazzjonalista ppropona bidla simili li waslet għal distakk elettorali ta’ inqas minn għoxrin vot. Il-gazzetta nnutat ukoll li f’dik l-elezzjoni kien hemm ukoll każijiet fejn deputati ġew eletti fil-Parlament minkejja li ma ġabux il-kwoti ta’ voti meħtieġa.
Analisti li ilhom snin twal isegwu l-proċessi elettorali f’pajjiżna stqarru mal-KullĦadd li dawn il-bidliet proposti mill-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech iservu biss biex jinħolqu inġustizzji li jistgħu jibbenefikaw minnhom il-Partit Nazzjonalista biss, u bl-ebda mod ma jibbenefikaw lill-elettorat u d-demokrazija Maltija.
Din ir-reviżjoni ma sabet l-ebda maġġoranza mill-Kummissjoni Elettorali, u għalhekk huwa f’idejn il-Parlament sabiex tapprova jew tiċħad il-bidliet proposti, sa Marzu li ġej.
L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli tkellem favur it-tibdil fid-distretti elettorali, iżda naqas milli jirreferi għal dak li qiegħed jipproponi l-istess Partit. Puli qal kif dawn ir-riformi ma ġewx approvati mill-Kummissjoni Elettorali minħabba raġunijiet politiċi.
Intant, l-istess Kummissjoni nnutat żewġ każijiet preżenti fejn distretti għandhom iktar votanti min-numru allokat għalihom. Għalhekk, b’responsabbiltà u trasparenza, se tittieħed l-azzjoni neċessarja sabiex dawn id-diskrepanzi jiġu indirizzati.