Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jipproponi affarijiet li diġà qed isiru jew li ilhom li saru, u b’hekk qed juri kemm m’għandux ideat,dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Familja u s-solidarjetà soċjali.
Il-Gvern, sa mill-bidu nett li faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna, nieda pakkett ta’ għajnuna għal min iħaddem u għal min jaħdem, sabiex jgħinhom f’dawn iż-żminijiet ta’ diffikultà bla preċedent. Li kieku ma kienx għall-għaqal tal-Gvern preżenti fl-aħħar 7 snin, kieku llum il-pajjiż ma kienx jaffordja l-għajnuna kbira li qed tingħata lil eluf kbar ta’ nies.
Fl-istess waqt, tnedew għadd ta’ inizjattivi u miżuri oħra biex jgħinu lil dawk kollha milquta. Fosthom anzjani, ġenituri bit-tfal, persuni b’diżabbiltà u persuni b’kundizzjonijiet kroniċi fost oħrajn. Dan seta’ jsir biss bl-għaqal ta’ dan il-gvern.
Il-PN qed jipproponi bonus lill-pensjonanti meta l-gvern preżenti ilu għal ħames snin konsekuttivi jgħolli l-pensjonijiet kull sena.
Il-PN qed jipproponi moratorju fuq self mill-banek għal 6 xhur, meta dan ilu li għamlu l-gvern, u l-Bank Ċentrali ta ordni lill-banek u struzzjonijiet kif għandhom jimxu.
Il-PN qed jipproponi li l-anzjani għandhom jirċievu l-mediċini d-dar meta l-Gvern ilu xahar li nieda servizz biex jgħin anzjani li m’għandhomx għajnuna sabiex jitwasslulhom il-mediċini u xirjiet ta’ oġġetti essenzjali d-dar.
Il-PN qed jipproponi li għandu jitraħħas id-dawl u l-ilma meta dan il-Gvern ilu li għamel dan mill-2014, wara li l-istess PN fil-gvern kien ivvota bil-qalb kontra tali traħħis.
Il-PN żgur m’huwiex f’pożizzjoni li jagħti lezzjonijiet lill-Gvern preżenti dwar kif jiġġieled il-faqar. Dan għax, waqt li bejn l-2008 u l-2013 in-nies li jgħixu fil-faqar żdiedu minn 14,000 għal 43,000, dan in-numru niżel għal 18,000 bejn l-2013 u l-2018.