Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg indirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-avukat Michael Falzon. Borg qal li nhar it-Tnejn, qabel għalqu l-oġġezzjonijiet għan-nomini fl-elezzjoni ġenerali, l-Oppożizzjoni opponiet għax flok mar Borg personalment, għadda n-nomina bi prokura, permezz tas-segretarju privat tiegħu.
Meta, fil-preżenza tal-avukat Michael Falzon, deheru quddiem il-Kummissjoni Elettorali, ġie spjegat li Borg għamel użu mill-fakultà li ttih il-liġi. Dik il-ġimgħa kellu raġunijiet mediċi għalfejn ma marx hu stess.
Il-Kummissjoni Elettorali tat il-pożizzjoni tagħha u m’aċċettatx l-oġġezzjoni tal-Oppożizzjoni, jiġifieri Ian Borg se jibqa’ jikkontesta.
Borg qal li kellhom kull dritt joġġezzjonaw, imma meta r-rappreżentanti ta’ Simon Busuttil kienu informati wiċċ imb’wiċċ bir-raġunijiet għala s-Segretarju Parlamenatri applika l-possibiltà li ttih il-liġi, xorta waħda baqgħu għaddejjin joġġezzjonaw.
Michael Falzon qal li dejjem ikun hemm possibilità li jsiru oġġezzjonijet, imma din kienet motivata minn attakk personali kundannabbli.