Il-Partit Nazzjonalista llum kompla jippersisti b’kampanja ta’ negattività fejn bl-aktar mod qarrieq u b’permezz ta’ attakki fil-konfront tal-Ministru José Herrera u d-Direttur tal-Konformità u l-Infurzar Ambjentali, il-Logotenent Kurunell Mario Schembri (irtirat), komplaw jippersisti b’fabbrikazzjonijiet u allegazzjonijiet infondati fi stqarrija uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista u diversi posts oħra fuq il-media soċjali.
Fi stqarrija, il-Ministru tal-Ambjent José Herrera qal li hu qatt ma kien l-avukat ta’ Schembri u dan jista’ jiġi vverifikat mill-atti tal-Qorti. Qal li l-kawża ċivili kienet dwar il-mod ta’ kif imxew il-proċeduri tan-National Security Authority (NSA) u kif il-Kummissarju relattiv u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta qatt ma sostnew għax l-individwu ma ġiex security cleared u qatt ma ngħata ċans li jirribatti.
L-istqarija tinnota li l-kawża ntilfet fuq punt proċedurali fejn il-Qorti kienet irrimarkat ukoll li r-rifjut tal-ħrug taċ-ċertifikat tas-security clearance ma jfissirx li d-deċiżjoni ma setatx tiġi kkontestata fi proċeduri li ma jkunux ta’ dan it-tip.
Żied jingħad li sal-lum ħadd ma jaf għaliex ma kienx ingħata s-security clearance u s-sur Schembri nżamm fil-kariga ta’ Kulunell. Meta s-sur Schembri spiċċa mill-kariga, Gvern Nazzjonalista anke tah il-Long and Efficient Service Medal – sinjal ċar li huwa serva b’mod impekkabli. Żied jingħad li taħt gvern Nazzjonalista, is-sur Schembri ġie promoss tliet darbiet, jiġifieri minn rank ta’ Logotenent sa’ dik ta’ Logotenent Kulunell.
Sostniet li l-ħatra ta’ Mario Schembri għaddiet minn proċess trasparenti, rigoruż u nħatar wara li kien hemm sejħa pubblika u ġiet approvata b’mod unanimu mill-Bord tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.
Il-Gvern sostna li dan kollu juri kemm l-avukat Jason Azzopardi kif ukoll il-Partit Nazzjonalista lesti jużaw prattiċi qarrieqa sabiex b’mod mill-aktar partiġġjan itappnu l-ħidma li qed ssir fil-qasam ambjentali.
Il-Ministru Herrera tenna li l-Gvern ser jibqa’ ffukat u impenjat li jkompli bil-ħidma tiegħu f’dan is-settur ‘il bogħod mill-politika partiġġjana u l-attakki insensati.