Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech qed jibqa’ jsejjaħ il-pakkett ta’ sebgħin miljun ewro t’investiment fil-familji Maltin u Għawdxin, bħala soppa msaħħna.
“X’tgħidilha? Mhux soppa msaħħna?”, qal Peter Agius waqt dibattitu mal-kandidat Laburista Dr Chris Bonett, fuq il-programm t’Andrew Azzopardi mxandar fuq ir-radju tal-Knisja.
Il-kandidat Laburista tenna, “Din tas-soppa msaħħna smajniha issa u ġol-microwave, mn’Alla ma konniex għadna taħt in-Nazzjonalisti għax probabilment jew ma kienx ikollna microwave għax ma konniexx naffordjawh jew inkella konna nitfgħu xi bozza fil-microwave.”
Peter Agius wieġbu, “X’tgħidilha dik, mhux soppa msaħħna?”
Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech qed iżid fid-doża tal-attakk tiegħu f’kull inizjattiva u ħidma tal-Gvern tant li qabbad anki lil Tonio Fenech jattakka l-għajnuna lin-nies fi żmien t’irkupru mill-pandemija.
Anki l-istess Peter Agius, li din il-ġimgħa kien fl-aħbarijiet wara li nqabad li dabbar rasu lejn Brussell, qal hekk f’isem il-partit ta’ Bernard Grech wara li tħabbar l-investiment fin-nies mill-Prim Ministru Robert Abela.
Dakinhar Peter Agius qal, “Din hija soppa msaħħna li Robert Abela ħareġ mill-fridge.”
Fuq il-programm t’Andrew Azzopardi, Peter Agius sejjaħ bħala ċejċa, iċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa li żdied sa massimu ta’ mija u erbgħin ewro għal kwart ta’ miljun ħaddiem f’Malta u ċ-ċekk addizzjonali ta’ mitt ewro jew mitejn ewro lil tliet mija u tmenin elf ruħ li huma ħaddiema jew studenti, pensjonanti jew persuni fuq l-għajnuna soċjali.
Peter Agius tenna, “Meta inti tara lill-Prim Ministru jqassam iċ-ċejċa.”
Fil-programm imbagħad wieġeb Chris Bonett, li nnota kif din l-għajnuna, li ġiet imfissra bħala injezzjoni ekonomika mill-ekonomisti u l-imsieħba soċjali, qed tingħata fi żmien li l-pajjiż affaċċja pandemija.
Chris Bonett innota, “Statistika wara l-oħra, ġejja anki mill-Kummissjoni Ewropea fuq kif il-pajjiż mhux talli assorba d-daqqa tal-pandemija, talli kompla jikber, ekonomikament kompla jikber.”
Fil-programm spikkat ukoll l-iskumdità ta’ Peter Agius meta mistoqsi fuq l-istrateġista ta’ Bernard Grech u li l-ingaġġ tiegħu qajjem rebus fil-Partit Nazzjonalista.
Chris Bonett: “X’taħseb inti fuq il-kawża li għamel Chris Peregin kontra l-medialink?”
Peter Agius: “Arah naqra.”
Chris Bonett: “Uruna l-għaqda li għandkom. Qed tgħid li intom magħqudin.”
Peter Agius: “Qed ngħidlek il-politika hija fuq in-nies. Hija fuq in-nies jaħasra.”
Chris Bonett: “Għidilna naqra. M’intix se tirrispondini.”
Peter Agius: “Spiċċajna nitkellmu dejjem fuq ta’ madwarhom, Andrew jaħasra.”
Chris Bonett: “Għidli inti x’taħseb inti mela f’partit imkisser, partit li għandu problemi finanzjarji kbar iddokumentati kullimkien, fejn għandek l-imgħallem tiegħek ġol-partit li għandu 65,000, għax għadek ma kkummentajtli xejn fuqu dak. Ikkummentali fuq dak. Fuq il-ħabib kbir tiegħek Chris Peregin.”