Il-Partit Nazzjonalista jinsab għarkupptejh. Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-opinjonista Għawdxi Emmanuel Galea f’artiklu li kellu fil-ġurnal The Times tal-Ġimgħa.
Galea kien qed jitkellem dwar l-aħbar li kien żvela ONE News u aktar tard ikkonfermaha l-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius li minħabba nuqqas ta’ fondi, il-Partit Nazzjonalista kien kostrett imexxi ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza mill-fosos tal-Furjana għat-trejqa ta’ quddiem l-istamperija f’Tal-Pietà.
Huwa spjega li din id-deċiżjoni qed tkompli tikkonferma kemm l-entużjażmu u l-enerġija fil-Partit Nazzjonalista baqgħet dejjem tittiekel.
L-opinjonista nnota wkoll kif l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista ddiskuta l-attivitajiet tal-festi tal-Indipendenza xahar biss qabel l-attività. Staqsa b’min l-eżekuttiv irid jgħaddi żmien u talab sabiex dawk li suppost kienu qed jieħdu ħsieb din l-attività jiġu identifikati.
Galea rrimarka li fejn qabel il-meeting tal-Indipendenza kien jintuża bħala messaġġ biex juri s-saħħa tal-Partit Nazzjonalista, qal li hija tal-mistħija li din is-sena l-meeting se jkun riflessjoni ta’ sostenn dejjem jonqos tan-Nazzjonalisti.
Fakkar fid-diskors surreali tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli li kien għamel wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda meta sostna li kien sodisfatt li l-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew bi 42,000 vot.
Hawnekk l-opinjonista aċċenna li b’dan l-atteġjament il-Partit Nazzjonalista għandu xorti jwassal sa elezzjoni oħra qabel ma jiġi relegat fil-kotba tal-istorja.
Staqsa kif il-partit kellu l-enerġija jorganizza attività b’risq għeluq żmien il-Kap Adrian Delia mbagħad naqas milli jorganizza attività li kienet ilha tittella’ sa mill-1982.
Staqsa wkoll kif minkejja li s-sena l-oħra l-Partit Nazzjonalista ftaħar bi ġbir rekord waqt maratoni ta’ ġbir ta’ fondi, din is-sena ma kellux biżżejjed flus biex jorganizza ġimgħa ta’ attivitajiet li bi ftit għaqal setgħu ħallew qligħ.
Huwa għalaq billi rrimarka li dan kollu qed ikompi jikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista mhux qed ikun sostenibbli u m’għandux enerġija sabiex iqum u jaffaċċja ġurnata oħra.