Il-Parlament illejla qiegħed jiddiskuti mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar Twaqqif ta’ Kumitat għall-Emerġenza għat-Tibdil fil-Klima.
Iżda, irriżulta mill-ewwel li minkejja li l-Partit Nazzjonalista dam xhur iħejji din il-mozzjoni nesa u ma rrikonoxxi li pajjiżna diġà għandu Att Dwar il-Bidla fil-Klima li kien approvat fl-2015.
Il-Whip tal-grupp parlamentari Laburista Byron Camilleri sostna li filwaqt li semmiet ħafna pajjiżi Ewropej l-Oppożizzjoni m’għamlitx referenza waħda għal din il-liġi li approva pajjiżna.
Liġi li waqqfet kumitat ta’ esperti, fost oħrajn, u mhux kumitat tal-politiċi biss kif irid il-Partit Nazzjonalista.
“Diġà għandna bażi tajba fuqiex naħdmu,” qal Camilleri li sostna li l-Gvern hu konxju li hemm iktar xi jrid isir. Hawn sostna l-mira tal-Gvern iddikjarata fil-baġit li sal-2050 Malta tkun carbon neutral.
“Pajjiżna jixraqlu li niddiskutu t-Tibdil fil-Klima u infurmat,” qal Camilleri li qal li bil-liġi tal-2015 il-Parlament diġà ddikjara emerġenza dwar it-tibdil fil-klima.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Edward Zammit Lewis tkellem kif għandhom raġun iż-żgħażagħ ikunu mħassba dwar din it-tema.
Hawn spjega kif il-Gvern Malti huwa parti mill-Unjoni Ewropea u huwa impenjat biex ikun parti minn soluzzjonijiet Ewropej fejn se jkun hemm impenn ċar tal-miri li jridu jintlaħqu.
Filwaqt li spjega għaliex is-soluzzjoni mhix sempliċi li jkun hemm kumitat parlamentari ieħor tkellem dwar dik li sejjaħ konfużjoni fil-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.
“Mhux ovvja li jinkwieta l-Gvern. Din sfida internazzjonali li ż-żgħażagħ tal-lum li għandhom raġun jgħidu li l-mexxeja tal-lum u qabilna, Mr Speaker li m’għamilniex biżżejjed,” qal Zammit Lewis.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela rrefera għal kif kienet Malta li lejn l-aħħar tas-snin tmenin ġibdet l-attenzjoni tal-komunità internazzjonali dwar is-suġġett.
“Ta’ min ukoll infakkru li kienet Malta wkoll li fl-2015 fil-laqgħa tal-kapijiet tal-Commonwealth kienet essenzjali, kellek 45 pajjiż miġbur ġewwa pajjiżna, kellek anke l-President ta’ Franza li ġie f’pajjiżna li ftit jiem qabel is-summit ta’ Pariġi Malta tat is-sehem tagħha biex intlaħaq ftehim. U ftehim malajr. Malta dejjem appoġġjat u saħqet li jkun hemm approach multilaterali,” qal Abela.
Id-deputat Laburista Alex Muscat tkellem dwar il-miżuri li diġà ħa l-gvern bil-għan li jindirizza s-settur ambjentali u l-isfida tal-bidla fil-klima u rrefera għal kif kien hemm bosta drabi fejn il-Partit Nazzjonalista kien kontra.
Semma wkoll l-isfida li tirriżulta mill-industrija tal-cruiseliners u żvela kif Transport Malta qed taħdem biex fi żmien qasir ikun hawn f’pajjiżna faċilità ta’ shore to ship li twassal biex jonqsu l-emmissjonijiet minn cruisliners li jkunu fil-port. Qal li din tirrikjedi investiment imma hija xi ħaġa li se ssir ukoll.