Il-Partit Nazzjonalista ma daħħalx fil-qorti kawża li qal li se jagħmel biex jikkontesta l-avviż legali li jirregola l-billboards.
Ftit tal-ġimgħat ilu, l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima, laqgħet mandat tal-Partit Nazzjonalista u temporanjament waqqfet it-tneħħija ta’ billboards tal-partiti politiċi.
Il-pass li kien imiss kien li fi żmien 20 jum il-Partit Nazzjonalista jitfaħ kawża. L-20 jum skadew it-Tnejn 30 ta’ Mejju, iżda dan ma sarx.
L-ordni li jitneħħew kienet ngħatat wara li nbidlet il-liġi biex il-billboards isiru skont regoli iktar stretti u jsiru ħlasijiet ta’ liċenzji.
Fiċ-ċirkostanzi l-Awtorità tal-Ippjanar li l-Erbgħa filgħodu daħlet kontro-mandat il-qorti biex tiddefendi l-avviż legali. Issa l-qorti tat jumejn ċans lill-Partit Nazzjonalista biex iwieġeb għal dan.
Meta ħareġ l-avviż legali l-Gvern qal li l-Oppożizzjoni ma tistax tippretendi li hija ‘l fuq mil-liġi. Dan għax l-avviż legali ma jolqotx biss billboards politiċi u fil-każ ta’ billboards politiċi jolqot kemm il-billboards li jista’ jkun hemm tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll dawk tal-Partit Laburista, u kull partit ieħor li għandu billboards mhux konformi mal-liġi.
Fiż-żmien ta’ elezzjoni ġenerali jew lokali, sa minn tliet xhur qabel l-imsemmija elezzjoni sa ġimgħa wara, il-partiti politiċi jkunu eżentati milli jġibu permess biex itellgħu billboard sakemm dawn ikunu mqegħdin b’mod li ma jkunux ta’ periklu fit-toroq.