Il-Partit Nazzjonalista nqabad ma jafx kemm il-bażiku, skont is-slides tas-suppost viżjoni ekonomika tiegħu, jiġifieri kemm hu stmat li jkabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna s-sena d-dieħla.
Dan deher ċar waqt konferenza tal-istess Partit mimlija attakki kontra baġit b’miżuri soċjali, li minnhom se jgawdu l-familji, it-tfal, il-ħaddiema u l-pensjonanti.
L-għada li nqara l-Baġit għas-sena d-dieħla, dan l-istazzjon staqsa mistoqsija sempliċi. Kemm hi r-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija ta’ pajjiżna f’sena, skont il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista.
L-ewwel, il-mistoqsija saret lil Jerome Caruana Cilia, il-Kelliem Ewlieni Nazzjonalista għall-Finanzi, li baqa’ mfakkar kif mill-istess pożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista jew ma ħariġx id-dokument ta’ qabel il-baġit jew ħarġu kollu żbalji.
Iżda Cilia ma kellu l-ebda risposta.
Hekk kif bqajna bla tweġiba, dorna fuq id-Deputat Ivan Castillo, li indirizza wkoll il-konferenza tal-aħbarijiet.
Castillo nqabad ukoll mingħajr ċifra u kellu jipponta lejn Ivan Bartolo tas-6pm biex suppost isalvalu ġildu.
Madankollu hekk kif ġie biex iwieġeb, Bartolo inqabad ifittex fuq il-mowbajl hekk kif lanqas hu ma kien jaf ir-rata ta’ kemm il-PN ikabbar l-ekonomija fis-sena li kieku kellu jkun fil-Gvern u jimplimenta s-suppost viżjoni tiegħu.
Fil-fatt, ONE News staqsa għal aktar minn darba għal din iċ-ċifra. Madankollu, Bartolo ammetta li din l-aktar ħaġa bażika ma kienx jafha.