Il-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li se jorganizza konferenza nazzjonali bl-iskop li jiddiskuti t-tibdil fil-klima, mingħajr ma ppropona pjan ta’ azzjoni.
Qal dan il-Ministru Aaron Farrugia ma’ ONE News meta kien qed jiddiskuti r-rapport dwar it-tibdil fil-klima minn Nazzjonijiet Maqgħuda li ħareġ ftit tal-jiem ilu.
Rapport skjett deskritt bħala bozza ħamra għall-umanità kollha.
Ma’ ONE News il-Ministru Aaron Farrugia qal li kieku l-Partit Nazzjonalista verament kien jimpurtah minn din l-isfida, ilu li beda jiddiskutiha.
Huwa stqarr: “L-Oppożizzjoni nqabdet fuq sieq waħda jiġifieri qed ngħidu li l-Oppożizzjoni m’għandhiex ideat anke f’dan is-settur, fil-fatt, huma stess qalu li jixtiequ jibdew jesploraw il-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u kif ukoll tal-PN għaż-żmien li ġej.”
Il-Ministru Farrugia rrimarka wkoll kif il-Partit Nazzjonalista fuq materja tant importanti mhux biss mhux preparat imma huwa tard.
Dan hekk kif il-Gvern din diġà wettaqha riċentament wara li kellha titmexxa minħabba l-pandemija. Fil-fatt il-Gvern kien ħabbar din il-konferenza lura fl-2019.
Dan apparti li l-Partit Nazzjonalista issa huwa tard ukoll għall-fatt li ninsabu biss ftit xhur il-bogħod mis-summit tal-COP26 fi Glasgow.
Il-Ministru Farrugia sostna: “Immaġinaw li kieku ikollna l-Oppożizzjoni li tmur tinnegozja f’isem Malta fil-COP26 f’Novembru li ġej fuq livell globali fuq livell internazzjonali.”
Temm jgħid li fortunatament Malta għandha Gvern preparat bi pjan ta’ azzjoni: “Fortunatament għandna Gvern serju u li għandu pjan. Jaf kif ħa jinnegozja u ħa mmorru biex nitolbu pjan li huwa ġust imma li se jitwettaq fl-immedjat.”