Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech akkuża lil dan l-istazzjon b’gideb meta mar jistaqsih dwar dak żvelat fit-Times il-Ħadd, jiġifieri li d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami talab l-għajnuna biex jiġi assistit ibnu fil-ġurnata tat-test tas-sewqan.
Grech sostna dan hekk kif ONE News mar biex jieħu r-reazzjoni tal-Kap Nazzjonalista dwar dan l-involviment għall-fini ta’ konsistenza.
Qal, “Tkomplux bil-gidba fuq Beppe Fenech Adami. Tkomplux intom bil-gidba fuq Beppe Fenech Adami.”
Il-Kap Nazzjonalista qal dan, minkejja li sagħtejn biss qabel, il-Kelliem tiegħu fuq it-Trasport, Adrian Delia, sostna kif Beppe Fenech Adami m’għamel xejn ħażin li talab lill-Ministru Borg jassisti fid-data tat-test tat-tifel.
Fil-fatt, matul konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista aktar qabel, Adrian Delia pprova jattakka lill-Gvern u lill-awtoritajiet konċernati x’ħin qabillu, iżda fl-istess ħin, x’ħin magħfus mill-ġurnalisti, ma ra xejn ħażin f’dak li għamel il-kollega tiegħu.
Ġurnalist: “Ma lmentax jiġifieri?”
Adrian Delia: “Dak li qal hu li lmenta minħabba d-dewmien.”
B’hekk, maqbud f’morsa, Delia spiċċa jiġġustifika l-assistenza tal-Ministru Ian Borg lid-Deputat Nazzjonalista u kif din kienet waħda fil-parametri tal-liġi u hi waħda ġustifikata.
Dawn id-dikjarazzjonijiet, minbarra li jikkonfermaw in-nuqqas ta’ konsistenza mill-esponenti Nazzjonalisti, bid-deputati jgħidu mod u l-Kap jgħid mod ieħor, jikkonfermaw ukoll id-double standards tal-Partit fl-Oppożizzjoni.
Sadanittant, hekk kif ONE News kompla jistaqsi lill-Kap Nazzjonalista dwar Beppe Fenech Adami, evidenti għall-aħħar kienet l-iskumdità tiegħu, tant li evita għal kollox li jwieġeb il-mistoqsijiet u malajr ra li jaqbad konverżazzjoni ma’ numru ta’ persuni preżenti biex isib refuġju fihom.
Ġurnalist: Qed nistaqsik jien kellimtx lil Beppe Fenech Adami?
Bernard Grech: U diġà weġibtek. U diġà weġibtek.
Ġurnalist: Ma weġibtnix. Qallek kemm-il darba tela’ t-tifel tiegħu għat-test?
Bernard Grech: Diġà weġibtek, diġà weġibtek, insellmilkom!