Wara li tilef il-kontroll tal-Kunsill Ġenerali tiegħu stess, il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel minn kollox biex jaħbi t-tgħajjir u l-insulti li saru kontra l-Gvern Malti u l-Prim Ministru.
Filwaqt li fl-aħħar ġimgħat il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ipprova joħloq aspettattiva għall-viżjoni li kellha tiġi spjegata, dan il-Kunsill Ġenerali spiċċa biss manifestazzjoni ta’ attakki u kummenti dispreġġjativi.
Fost l-iktar mument li spikka kien hemm dikjarazzjoni xokkanti minn kelliem ewlieni tal-Kunsill Ġenerali li qabbel lill-Partit Laburista mas-satanisti.
In-NET stess iddeċida li jagħti prominenza lil din l-aħbar bħala wieħed mill-messaġġi importanti ta’ dan il-Kunsill Ġenerali (kif mehmuż). Iżda malli ħarġet il-kundanna tal-Partit Laburista, u r-reazzjoni pubblika kienet waħda qawwija, in-NET kien kostrett ibiddel l-artiklu u jelimina għal kollox ir-referenza għal din id-dikjarazzjoni.
Issa l-Partit Nazzjonalista dawwar il-kanuni tiegħu fuq it-TVM għaliex fi kliemu mhuwiex sew li l-Ħadd filgħaxija l-aħbarijiet tax-xandir pubbliku rraporta l-istqarrija tal-Partit Laburista bħala reazzjoni għas-servizz dwar il-Kunsill Ġenerali tal-PN.
F’talba oħra li għamel lill-Awtorità tax-Xandir, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino qed jhedded lit-TVM li ma jistax jattribwixxi l-kliem li ntqal fil-Kunsill Ġenerali lill-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech, li tant jippriedka fuq il-libertà tal-espressjoni, jippretendi li jista’ jagħlaq ħalq kulħadd meta jkun inqabad fuq sieq waħda.
Il-Kap Nazzjonalista jrid jifhem li dak li ġara fil-Kunsill Ġenerali huwa biss riżultat ta’ kif il-fergħa estremista ħadet f’idejha t-tmexxija assoluta tal-Partit Nazzjonalista.