It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista mmexxija minn establishment b’ħakma fuq il-Kap Bernard Grech spiċċat timbarazza lir-rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista stess fil-Kummissjoni Elettorali.
Permezz tal-midja tiegħu, il-Partit Nazzjonalista spiċċa jattakka lill-Kummissjoni Elettorali li fuqha hemm rappreżentanti tal-partit tiegħu stess.
Dan f’mument ta’ aktar firdiet fil-partit li komplew joħorġu fil-beraħ mindu l-Kap Nazzjonalista ma tħalliex jidħol fil-każin Nazzjonalista tal-Ħamrun u partitarju tiegħu tħalla jaqla’ xebgħa minn partitarji Nazzjonalisti oħra filwaqt li Bernard Grech mar jieħu r-ritratti fil-gallarija tal-każin tal-banda San Ġużepp.
Fl-aħħar sigħat, il-midja tal-partit ħarġet artiklu tinfexx f’attakk fuq il-Kummissjoni Elettorali wara li l-establishment Nazzjonalista qed jimmonta l-istess tattiċi li dejjem kellu anki fi żmien Simon Busuttil, li skontu l-elezzjonijiet li tilef b’distakki kbar li baqgħu miktuba fl-istorja, kienu mixtrija.
NET News ippubblika storja bit-titlu li l-Kummissjoni Elettorali tfarfar fuq Identity Malta. Dan wara l-allegazzjonijiet li għamel il-Partit Nazzjonalista fuq il-proċess elettorali.
Identity Malta ċaħdet bl-aktar mod kategoriku l-allegazzjonijiet infondati li saru fil-konfront tagħha f’rikors ippreżentat fil-Qorti ffirmat minn Jason Azzopardi.
Identity Malta ċaħdet ukoll li rrevokat il-permess ta’ residenza lill-persuna li allegat dwar l-elezzjoni u li l-Partit Nazzjonalista għamel tiegħu l-allegazzjonijiet anki jekk spiċċa jimbarazza lil niesu stess fil-Kummissjoni Elettorali.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali, l-istess sorsi li tkellmu mal-KullĦadd fuq l-istorja tal-Ħadd li għadda dwar laqgħa ta’ tpattija għal min umilja lill-Kap Bernard Grech fil-Ħamrun, qalulna li anki f’dan il-każ, l-establishment Nazzjonalista mhux se jiddejjaq jagħti daqqa anki lil niesu stess.
Fakkruna f’dak li għamlu lil Joe Giglio meta bil-kejl tal-Partit Nazzjonalista stess fi stqarrija pubblika ntqal li Giglio qed jiddefendi tender maħmuġ.
Dan b’rabta ma’ każ ta’ xiri ta’ dgħajjes minn Transport Malta għall-infurzar u li ta dawn l-istess dgħajjes, Transport Malta ma ħallsitx għax ma kinitx kuntenta bihom.
Min ipprovda dawn id-dgħajjes qed jiddefendihom id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio li wkoll spiċċa imbarazzat f’sitwazzjoni ta’ partit mifrud.