Programm ta’ divertiment il-Ġimgħa filgħaxija fuq ix-xandir nazzjonali spiċċa jkun suġġett ta’ ilment mill-Partit Nazzjonalista għaliex fih kien hemm mistiedna mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela.
Il-Partit Nazzjonalista organizza konferenza tal-aħbarijiet barra l-bini tax-xandir nazzjonali fi Gwardamangia u li kienet indirizzata mid-Deputat Nazzjonalista David Thake.
Hawnhekk il-Partit Nazzjonalista semma lil mart il-Kap tal-Oppożizzjoni u argumenta li kien hemm żbilanċ.
Madankollu l-Partit Nazzjonalista naqas isemmi li fil-programm inkwistjoni ġieli kien hemm mistieden deputat tal-Oppożizzjoni mingħajr ma kien hemm deputat tal-Gvern.
Din mhiex l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista qajjem kontroversja anki fuq programm ta’ divertiment fuq ix-xandir nazzjonali hekk kif ftit inqas minn sena u nofs ilu, il-Partit Nazzjonalista spiċċa jagħmel bojkott fuq programm imxandar il-Ħadd mimli logħob u li kien jinkludi kwiżż bejn id-deputati taż-żewġ naħat.
F’dan il-każ, il-programm kien ġie rrekordjat iżda twaqqaf milli jixxandar minħabba l-ilment tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar programm ta’ divertiment li l-Partit Nazzjonalista qajjem kwistjoni fuqu, kien hemm tema partikolari, dik ta’ jum l-omm, b’Lydia Abela għaddiet messaġġ sabiħ għal dawk in-nisa bi sfidi fosthom minħabba l-infertilità u li għaddew minn ċirkostanzi fil-ħajja li jeħtieġu appoġġ.
Qalet, “Lil dawn kollha jien nagħmilhom kuraġġ u nassigurahom li llum m’humiex waħedhom. Dawwru dik l-imħabba li tafu tagħtu bħala ommijiet lejkom infuskom u ħossu l-imħabba u r-rispett li kull omm jixraq tagħti lil omm bħalha. Jum l-omm it-tajjeb li kull min iħoss ġo fih dik l-imħabba li taf tagħti l-omm.”