Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-kelliem ewlieni tiegħu Peter Agius, kiteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga lill-gvern Malti.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta Matoday, li tikkwota lil Peter Agius li, b’ton arroganti, ilmenta ma’ Ursula Von Der Leyen li ma tatx każ tal-ittri tiegħu fl-imgħoddi u qalilha li m’għandhiex tiddiżappunta lill-poplu Malti.
Din mhux l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista għażel li kwistjonijiet li jkunu qed jiġru f’pajjiżna imur jiġri bihom għand l-Unjoni Ewropea; kull darba jagħti biss verżjoni partiġġjana ta’ dak li jkun qed jiġri. Dawn l-isforzi fil-kurituri tal-Parlament żdiedu iktar kemm il-pajjiż wettaq riformi fl-oqsma tas-saltna tad-Dritt u l-governanza tajba – riformi li rrikonoxxiethom anki l-Kummissjoni Ewropea nnifisha.
Iżda, permezz tad-deputati tiegħu fil-Parlament Ewropew u tal-uffiċjali tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qatt ma rrikonoxxa dawn il-kisbiet, li ġew rikonoxxuti wkoll mill-Financial Action Task Force, fost l-oħrajn.