Il-Partit Nazzjonalista ħadha qatta’ bla ħabel kontra Tiffany Abela Wadge u uża konferenza tal-aħbarijiet li organizza hu stess biex jagħmel hekk.
Dan wara li t-Tnejn filgħaxija Abela Wadge ddikjarat li rtirat il-kandidatura tagħha għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
B’reazzjoni għal post ta’ Abela Wadge fuq Facebook, fejn qalet li tħossha maqtugħa mill-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech u li saħansitra għalqula ħalqha, Francine Farrugia, kandidata Nazzjonalista oħra, qalet li dan il-kliem kien biss immirat biex jagħmel il-ħsara.
Farrugia qalet, “M’għandix tkun l-intenzjoni li tagħmel ħsara fl-istess rigward. Jiġifieri fl-aħħar mill-aħħar sa llum stess rajna li kien hemm intenzjonijiet oħra wara dik l-istess post.”
Farrugia ma waqfitx hawnhekk.
Hija kkundannat lil Abela Wadge għal mod ta’ kif indirizzat l-ilment tagħha.
Farrugia saħqet: “Ma naħsibx li b’mod ġenerali persuna għandha tmur fuq portals jew fuq Facebook iniktbu l-opinjoni tagħna mingħajr ma ssir diskussjoni mqar ma’ persuna waħda f’dak li jikkonċernaha.”
Din l-aħħar taqtigħa fost il-kandidati Nazzjonalista waslet wara ġimgħa oħra ta’ żviluppi mimlija inkwiet intern fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Ġimgħa li kkonfermat kemm il-firda bejn iż-żewġ fazzjonijiet għadha qed tiddomina u l-Kap Bernard Grech ma jiddeċiedix.