Iddeskriva t-tnaqqis fil-faqar bħala punt importanti ħafna. “Il-ġid mhux biżżejjed toħolqu imma int trid tqassmu,” qal Joseph Muscat li fisser kif ix-xogħol tal-istat hu li jaħseb fiż-żgħir mid-dħul li għamel hu. Spjega kif bejn l-2008 u l-2013 kien hemm żieda ta’ 18,000 f’dawk f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali u dawn niżlu b’16,000 fl-aħħar ħames snin.
”Ifisser li wasalna? Dejjem għandna bżonn iktar,” qal Joseph Muscat li spjega kif il-politika tal-gvern li jinħoloq iktar xogħol twassal biex jintlaħaq dan il-għan. Fil-fatt din il-ġimgħa stess kien ikkonfermat li għandna waħda mill-inqas rati ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea u għat-tielet xahar l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ.
Fisser kif ir-rata ta’ ċaħda materjali severa hija terz ta’ dak li kienet erba’ snin ilu. “Minn kull tliet persuni li ma setgħux jixtru l-affarijiet bażiċi llum baqa’ wieħed… issa x-xogħol tagħhna hu li dawn ma jiżdiedux iktar u dik il-persuna li fadal niġbduha l-ġewwa,” sostna l-Prim Ministru.
Tkellem dwar il-fatt li dawn ir-riżultati qed jinkisbu b’mod sostenibbli. Tenna li l-gvern ma jaħsibx li wasal imma huwa fatt li n-numru ta’ foqra naqsu u l-impenn hu li dan ikompli jsir għaż-żmien li ġej.
Rapport pożittiv ieħor kien dak ta’ Fitch fejn Malta kienet ikkonfermata fil-livell A+. “L-investituri joqgħodu wkoll fuq dak li jgħidu aġenziji internazzjonali. Li mhux dejjem ikollhom raġun imma tkun analiżi oġġettiva,” qal Joseph Muscat li rrimarka kif is-sena li għaddiet Fitch tat l-ewwel upgrade lil Malta f’għaxar snin.
“Malta hija wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja li għandna surplus minkejja li mingħajr riżorsi naturali,” qal Joseph Muscat.
Prezzijiet stabbli tal-enerġija
Fl-intervista fuq ONE meta kien mistoqsi dwar il-prezzijiet tal-fuel il-Prim Ministru qal li l-ħidma tal-gvern f’dan il-qasam hi miġbura f’kela waħda: “stabbilta.”
“Biex wieħed jippjana fit-tul mingħajr ma jkun hemm skossi,” qal Joseph Muscat li fakkar kif fi 82 ġimgħa l-prezz tal-fuel ma żdiedx minkejja ż-żidiet fil-prezz taż-żejt u l-fatt li pajjiżi oħra għollew il-prezzijiet.
Fisser kif fil-pajjiżi kollha tad-dinja kien hemm ċaqliq f’żewġ oqsma, fosthom il-prezz tal-elettriku. “F’pajjiżna jiġri x’jiġri mhux se jgħola. Neħħejna l-inkwiet lil ħafna nies. Li kien għall-oppożizzjoni nbiddlu l-kont tad-dawl bis-surcharge,” qal Joseph Muscat.
Dwar il-fuel Joseph Muscat qal li l-pajjiż kien wasal f’sitwazzjoni fejn id-differenza bejn il-prezz tal-fuel f’Malta u l-UE kien enormi. “L-idea tagħna hi li fix-xhur li ġejjin nimmoniterjaw il-prezz taż-żejt u jittieħdu deċiżjonijiet bit-tama li sal-aħħar tas-sena nerġgħu nagħtu perjodu ta’ stabbilta twil kemm jista jkun,” spjega Joseph Muscat.
Bil-politika ta’ stabbilita l-konsumatur Malti xorta qed iħallas 9c inqas għal petrol u 11c5 inqas għad-diesel imqabbel mal-medja Ewropea.
“Minn kull għaxar ewropej aħna fost it-tlieta li nħalsu l-inqas għall-petrol u d-diesel,” spjega Joseph Muscat.