Il-Partit Nazzjonalista qed jikkritika t-tmexxija tiegħu stess.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija li fiha tkellem dwar rapport b’rabta mat-tindif u l-iġjene fl-iskejjel tal-istat u li qed tikkwota minnu l-midjal-Partit Nazzjonalista.
L-isqattija tal-Partit Laburista qalet ukoll li r-rapport janalizza dak li sar bejn l-2009 u l-2015, jiġifieri ra l-bidu tiegħu taħt Gvern Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista qal li matul l-aħħar 6 snin, il-Gvern beda gradwalment jingaġġa kuntratturi fil-privat b’servizzi ta’ tindif li huma mgħammra b’makkinarju u tagħmir għat-tindif industrijali kif ukoll staff professjonali tat-tindif.
Apparti dan b’ investiment ta’ €4 miljun fis-sena, il-Gvern beda jħejji wkoll programm ta’ taħriġ f’servizzi ta’ tindif u ta’ iġjene organizzati mill-MCAST għal 300 impjegat li jwettqu xogħol relatat mat-tindif fl-iskejjel tal-istat madwar Malta u Għawdex.
Qal li Is-servizz ta’ tindif fl-iskejjel jiġi mmoniterjat ukoll minn uffiċjali Inkarigati kemm mill-lat ċentrali kif ukoll mil-lat tal-kulleġġi rispettivi, fejn isiru żjarat għal għarrieda fl-iskejjel tal-istat.
Wara li ssir iż-żjara, jinkiteb rapport tal-fatti li jkunu nstabu fl-iskola rispettiva u min-naħa tad-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-edukazzjoni jaraw li n-nuqqasijiet rispettivi jiġu indirizzati.