Il-Partit Nazzjonalista spiċċa jmeri l-manifest tiegħu stess fuq wegħda dwar il-kirjiet ta’ qabel l-1995.
Din il-wegħda kif imniżżla f’punt 22 tal-aħħar verżjoni tal-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, tħott għal kollox ir-riforma li biha l-Gvern jagħti sussidju għal għomor l-inkwilin filwaqt li sid il-kera jieħu valur ġust tal-propjetà mikrija.
Iżda f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem Peter Agius u d-Deputat Ivan Bartolo spiċċa jmeri l-manifest tiegħu stess u jgħid li din il-wegħda ser tapplika għal dawk li ma jikkwalifikawx diġà għas-sussidju.
Qal, “Il-proposta ewlenija tagħna fir-rigward tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 tirrigwardja dawk li ma jikkwalifikawx attwalment.”
Madankollu, għalkemm dan huwa kompletament l-oppost ta’ dak imwiegħed fil-manifest tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius spiċċa jgħid li dak li hemm fil-manifest huwa korrett, hekk kif ġustament il-ġurnalisti bdew isaqsu fuq it-taħwid f’dak li qed jgħid il-partit ta’ Bernard Grech.
Hawnhekk il-kelliema spiċċaw jattakkaw l-integrità tal-ġurnalisti u jgħidu li l-mistoqsijiet li qed isirulhom dwar din il-wegħda huwa frott paniku politiku.
Il-ġurnalist ta’ ONE News għalhekk espona dan il-qerq, bil-kelliem Peter Agius jagħti t-tort lil min sab l-iżball u mhux lil Bernard Grech, li għamel dan l-iżball.
Meta kontinwament mistoqsi jekk din il-wegħda kif imniżżla fil-manifest elettorali hux ser tkun emendata Peter Agius spiċċa jgħid li l-Partit Nazzjonalista kien preparat.
Dan għalkemm jekk dan il-punt ikun emendat din tkun ir-raba’ darba li l-Partit Nazzjonalista jkun emenda l-programm elettorali fi ftit jiem minn meta ġie approvat.
Id-Deputat Ivan Bartolo wkoll kien skomdu quddiem dawn l-iżbalji kbar fil-manifest u filwaqt li qata’ kliem il-kelliem Peter Agius spiċċa jitkellem fuq affarijiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-mistoqsijiet u mal-wegħda li twassal biex anzjani jispiċċaw żgumbrati.
Hekk kif fl-aħħar tal-konferenza staqsejna jekk hux ser tkun emendata din il-wegħda fil-manifest il-kelliema reħewlha jaqbżu fuq xulxin u f’konfużjoni liema bħalha lebbtu ’l barra mill-kamra.