Bl-aħħar stqarrija tiegħu, Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista kkonfermaw li qed jiddefendu l-fergħa estremista fi ħdanhom. Qed jiddefendu lil min issa hu taht il-lenti ta’ investigazzjoni fuq atti illegali li twettqu biex jimminaw il-ġustizzja, kif iddikjarat il-Qorti.
Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista, fejn tenna li hu ta’ għajb għal min jgħid ħafna fuq is-saltna tad-dritt iżda meta l-istituzzjonijiet ma jdoqqux id-diska tiegħu, jispiċċa jippersegwitahom.
Intqal kif il-bidla li l-Oppożizzjoni lanqas biss trid tisma’ dwarha mhu se tnaqqas l-ebda dritt leġittimu taċ-ċittadini iżda se tagħti salvagwardji favur ir-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja u salvagwardji lil min hu onest.
Il-Partit Laburista żied jgħid kif il-problema tal-Oppożizzjoni hi li nħakmet mill-istess fergħa estremista li għax bla ideat għal pajjiżna, moħħha biss kif tkisser in-nies sempliċiment għax ma taqbilx magħhom politikament. U li dan l-aġir mhuwiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika li għandha jkollha dejjem mis-sewwa.