Il-Partit Nazzjonalista kkonferma li mhux ser jagħti ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa wara li erbgħa u għoxrin miljun ewro f’ċekkijiet ma ġewx inklużi fil-programm elettorali.
Dan hekk kif minflok il-Partit Nazzjonalista ssostitwixxa dawn iċ-ċekkijiet b’sistema ta’ tax credit li ma tiffavorixxix lill-ħaddiem.
Jason Azzopardi kien minn ta’ quddiem biex jipprova jgiddeb lil ONE News meta staqsejnieh dwar għaliex il-Partit Nazzjonalista ser ikun qed iwaqqaf iċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa li qed jingħataw bħalissa.
Jason Azzopardi imbagħad reħielha jippriedka dwar kif din is-sistema ġdida li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista hija t-tajba.
Dan filwaqt li kkonferma li l-Partit Nazzjonalista ser iwaqqaf iċ-ċekkijiet ta’ rifużjoni tat-taxxa.
Qal, “Hawnhekk qegħdin nimpenjaw ruħna illi forma ta’ tax credits tingħataw ħafna iżjed flus milli sempliċi cheque u l-flus illi tieħdu mhux huma c-cheques li qiegħed jirreferi għalihom il-ħabib tagħna iżda jkunu f’forma ta’ tax credits li filfatt iħallu ħafna iktar flus fil-but.”
Madankollu hija din id-dikjarazzjoni ta’ Jason Azzopardi li hija ‘fake’ hekk kif spjegat mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Mistoqsi minn ġurnalist ta’ Net News waqt konferenza tal-aħbarijiet Caruana spjega kif b’din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista ser imur ħażin il-ħaddiem.
Qal, “Mela ħa nwieġbek, tajjeb. Dħalt għaliha kexxun din kif jgħid il-malti. X’qed iwiegħed il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iwiegħed illi jagħti kreditu fuq dak li wieħed ikun iħallas. Jiġifieri int tkun ħallast ammont imbgħad skond kemm taqla’ fis-sena ta’ wara itik 10% lura minnu jew 5% jew 3%. Ser ikun hemm nofs il-ħaddiema, nofshom, nofshom, li ser toħdulhom iżjed milli ser ittuhom. Inpoġġu bilqiegħda, ġib min kiteb dawn il-proposti, naqbdu excel sheet u naħdmuhom u taraw kif, biex ikun preċiż għax qgħadt naħdimhom, 46%, 46.4% għax qgħadt nikkalkulhom, tal-ħaddiema, ser toħdulhom aktar milli ser ikollhom. B’dik il-miżura tagħkom iva nkluża. Filwaqt illi l-oħrajn ser toħdulhom mill-but u ttuhom minn ieħor u xorta ser ikunu agħar mill-proposti li qiegħdin ngħidu aħna.”