Il-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi bejn l-2009 u l-2013 ma implimentax rakkomandazzjonijiet tal-Qorti biex, fost l-oħrajn, tiddaħħal liċenzja tal-kuntratturi. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu ngħataw f’sentenza tal-Qorti Maltija nnifisha wara li snin qabel iġġarrfet binja f’San Pawl il-Baħar u b’riżultat ta’ hekk tilfu ħajjithom żewġ persuni.
Il-konferma li l-istess Kabinett ta’ Lawrence Gonzi ma mexiex ma’ dak li qaltlu l-Qorti, minkejja li tilfu ħajjithom żewġ persuni, waslet mingħand il-Kelliem Nazzjonalista Stanley Zammit.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista t-Tlieta waranofsinhar fejn, quddiem mistoqsijiet minn dan l-istazzjon proprju dwar dan, Zammit sostna li l-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi kien biss beda jaħdem fuq dak li rrakkomandatlu l-Qorti.
Qal, “Jekk issegwi d-diskussjoni, anke fil-Kumitat Parlamentari, anke f’dak iż-żmien tara li l-Gvern Nazzjonalista kien beda jaħdem fuq il-liċenzjar tal-kuntratturi.”
Madankollu hekk kif il-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon baqa’ jippersisti għaliex qatt ma ddaħħlu tali rakkomandazzjonijiet, fosthom tal-liċenzjar tal-kuntratturi, id-deputati Nazzjonalisti ħallewna bla risposta u lebbtu ’l barra mill-kamra tal-konferenzi.
Dan minkejja li l-istess deputati Nazzjonalisti qed jitolbu li tintrefa’ r-responsabbiltà politika b’rabta mar-rapport tal-Inkjesta Sofia. Inkjesta li ma ssemmi l-ebda politiku tal-Gvern u saħansitra tagħmel ċerti rakkomandazzjonijiet li diġà bdew jiġu implimentati mill-Gvern Laburista.
Fosthom hemm il-liċenzjar tal-kuntratturi li naqas milli jdaħħal Partit Nazzjonalista fil-Gvern.