Il-Partit Nazzjonalista kkonferma l-istorja ta’ ONE News fejn ġie rrapportat li ħassar l-attività ewlenija tiegħu tal-kampanja elettorali fil-jum tal-Ħamis fuq ordni tal-establishment, biex minflok jattendi u jappoġġja l-protesta organizzata minnhom.
Fil-fatt, fil-protesta mtella’ minn l-għaqda Repubblika attendew id-deputati u saħansitra l-Kap Nazzjonalista.
Proprju fl-istess jum, ONE News irrapporta kif deputati, bħal Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami u Mark Anthony Sammut, kienu l-kapurjuni li marru għand Grech biex jordnawlu jħassar l-attività ppjanata f’Santa Luċija fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija, l-istess ħin li ta’ Repubblika sejħu l-protesta.
Fil-fatt, Bernard Grech ċeda mill-ewwel, għalkemm iddejjaq għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista kien diġà beda jirreklama l-attività ta’ Santa Luċija, li spiċċat titħassar fuq ordni ta’ Repubblika.
Din l-attività ġiet imħassra baxx baxx fejn tneħħa kollox biex jitgħatta l-fatt li tal-Partit Nazzjonalista ħassru attività fuq ordni tal-għaqda Repubblika.
Sadanittant, fil-protesta mtella’ minn Repubblika b’rabta mal-Inkjesta Vitals li saret mill-Maġistrat Gabriella Vella u li għaddietha għand l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali proprju fl-istess siegħa li fetħu n-nomini għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, attendew figuri ewlenin tal-establishment Nazzjonalista, fosthom Lawrence Gonzi, Louis Galea, Pawlu Borg Olivier u Jason Azzopardi.
Fl-interventi li saru spikkaw ukoll diskorsi ta’ mibegħda, fosthom fil-konfront tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela. Dan partikolarment mill-President tal-istess għaqda, Vicki Ann Cremona.
AQRA WKOLL: