Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech beda l-ġurnata tiegħu tas-Sibt li għadda jdur fi Pjazza San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex. Hawn qagħad jitkellem u jieħu r-ritratti man-nies fuq l-imwejjed fl-istess fetħa fejn kien hemm jakkumpanjah id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg.
Ironikament l-istess Borg, lura għat-28 ta’ Marzu li għadda, kien ħareġ qatta’ bla ħabel kontra l-istess stabbilimenti li jinsabu f’din il-pjazza biex issa qagħad jieħu pjaċir jippoża u jieħu r-ritratti fihom f’każ ieħor ta’ ipokrezija tipika Nazzjonalista.
Filwaqt li ftit tal-ġimgħat ilu għamel sitt mistoqsijiet Parlamentari dwar l-imwejjed fi Pjazza San Ġorġ, biex jilagħbha tad-difensur tar-Rabtin, issa Borg fl-ebda mument ma staqsa jew poġġa f’dubju l-preżenza tal-imwejjed u s-siġġijiet fil-post fejn kien qed idur mal-Kap Nazzjonalista.
Xahar u nofs ilu fuq Facebook kien qal li l-Ministri tal-Gvern qed ifarfru mir-responsabilità tagħhom, iżda issa, f’nofs kampanja elettorali, iddandan jimbotta l-propaganda Nazzjonalista u jiltaqa’ man-nies anke fuq l-istess imwejjed li tant sabbat fuq sidru kontrihom.
Din mhix l-ewwel darba li Bernard Grech u Alex Borg marru jieħdu ritratti fuq l-imwejjed fi Pjazza San Ġorġ. L-istess kienu għamlu fit-18 ta’ Novembru li għadda u anke dakinhar ma kienu qalu xejn kontra, imma ppożaw fuq l-istess imwejjed.
Okkażjoni simili seħħet ukoll fit-29 ta’ Jannar li għadda.