Il-Partit Nazzjonalista kompla jikkonferma d-double standards li bihom jfassal id-direzzjoni politika tiegħu. Dan anke meta jitkellem dwar l-aġir tal-politikanti tiegħu qrib is-suspettat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Dan deher biċ-ċar waqt konferenza tal-Partit Nazzjonalista hekk kif il-ġurnalisti indipendenti staqsew dwar il-kreddibiltà li jħaddan il-Partit Nazzjonalista dwar dan is-suġġett.
Fil-fatt, il-ġurnalisti semmew kif il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ Kristy Debono u Hermann Schiavone marru jiltaqgħu u jitolbu l-flus mingħand in-negozjant wara li sar magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Flimkien ma’ Schiavone u Debono, kien hemm Jason Azzopardi, li wkoll inqabad li tħallsitlu kamra f’lukanda lussuża fl-Iżrael mill-grupp ta’ Yorgen Fenech.
Aġir li għalih il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech m’għamel xejn dwaru ħlief sospensjoni finta. Saħansitra kien qal li Jason Azzopardi għandu kwalitajiet kbar.
Iżda għal din il-mistoqsija, il-kelliem ta’ Bernard Grech, Peter Agius għamel minn kollox biex jdur magħha.
Bħal ma għamel fuq ix-xandir nazzjonali, fl-aħħar spiċċa qal li r-rabtiet tal-Partit Nazzjonalista ma’ Fenech m’għandhomx ikunu suġġett għall-kritika.
L-istess sentiment esprimietu l-uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista Martina Caruana.
Qalet, “Kif qal Peter mhuwiex ġust li npoġġu lil kulħadd fuq l-istess livell.”
Iżda meta l-ġurnalisti komplew jagħfsu fuq din il-mistoqsija ħadd ma ried iwieġeb sakemm il-kelliem ta’ Bernard Grech viżibbilment skomdu ordna lil Karol Aquilina jsalvahom mill-muta.