B’reazzjoni għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista fejn ħareġ jattakka lill-Prim Ministru Robert Abela u jipprova jiddefendi d-direzzjoni militari ta’ Roberta Metsola għal pajjiżna, il-Partit Laburista sostna li l-Partit Nazzjonalista missu jistħi li juża l-Forzi Armati ta’ Malta biex jiġġustifika l-messaġġi favur il-gwerra tal-membri tiegħu.
Fi stqarrija il-Partit Laburista rrimarka li membri prominenti tal-Partit Nazzjonalista u l-alleati tiegħu riedu jitfgħu s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta l-ħabs għax wettqu d-doveri tagħhom.
Dan l-istess sentiment esprimih ukoll il-Ministru Byron Camilleri waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet parlamentar fis-seduta tal-Erbgħa filgħaxija.
“Waqt li aħna konna qegħdin niddiskutu kif ħa nagħtu aktar drittijiet u kundizzjonijiet lis-suldati tagħna, uħud fl-Oppożizzjoni kienu qed ifasslu kwerela biex jitfgħu dawk is-suldati l-ħabs.“
Il-Partit Laburista qal li l-messaġġi tal-Gvern Malti favur il-paċi huma konsistenti kemm f’Malta, kif ukoll barra minn xtutna u kien għalhekk li fl-aħħar xhur pajjiżna kien magħżul bħala interlokutur għall-paċi u dik hija t-tip ta’ politika li se jibqa’ jħaddan dan il-partit.
“Għajb għal min kunflitt rah okkażjoni għar-ritratti u bl-aġir tiegħu bagħat messaġġ favur l-eskalazzjoni tal-gwerra u l-ħruxija fuq l-innoċenti. Imbagħad minflok wieġeb dwaru, ħareġ jiġri minn parkeġġ ta’ istituzzjoni edukattiva,” tenna l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista temm jgħid li mhux ta’ b’xejn il-Partit Nazzjonalista ma jinbidel qatt għax lanqas bejn Beppe Fenech Adami u Darren Carabott m’hemm differenza.