Il-Partit Nazzjonalista gideb sfaċċatament dwar il-provvista tad-dawl fl-Isptar Mater Dei biex joħloq biża’ u instabbiltà fost il-poplu.
Dan wara li l-Partit ta’ Bernard Grech qal li l-qtugħ tad-dawl, li seħħ it-Tlieta fil-lokalità ta’ Birkirkara, affettwa s-servizzi fl-isptar ġenerali u poġġih f’riskju billi s-sistema kellha taqleb għall-ġeneraturi.
Fil-verità, stqarrija mill-Enemalta giddbet tali dikjarazzjoni li dan qatt seħħ, anke wkoll għax l-Isptar lanqas qatt kien konness mal-istess distribuzzjoni tal-elettriku li laqtet lil Birkirkara.
L-Enemalta spjegat li l-Isptar Mater Dei u s-servizzi offruti minnu għandhom garanzija tal-elettriku permezz ta’ feeder dirett u separat ta’ 33 Kilovolt miċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Marsa, waqt li għandu wkoll sors ieħor alternattiv tal-istess qawwa miċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Kappara f’każ li jinqalgħu ħsarat fuq tal-ewwel. Minbarra hekk, għandu sors alternattiv ieħor ta’ vultaġġ medju miċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni tal-Imsida.
Ma’ dawn it-tliet sorsi, Mater Dei għandu wkoll sorsi alternattivi tiegħu stess f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista tad-dawl.
L-Enemalta kkonfermat ukoll li fl-ebda ħin mit-Tlieta għall-Erbgħa ma kien hemm xi interruzzjonijiet li setgħu affettwaw il-provvista tad-dawl fl-Isptar.
Għaldaqstant, dik mill-Partit Nazzjonalista ma kienet xejn għajr gidba grassa, intenzjonata biex tagħmel ħsara fil-pajjiż.
Dwar dan, irreaġixxa wkoll il-Partit Laburista li qal li d-dikjarazzjonijiet mill-Partit Nazzjonalista huma foloz u intiżi biex joħolqu allarm li ma jeżistix. Dikjarazzjonijiet irresponsabbli u immaturi.
Il-Partit Laburista qal li fl-aħħar għaxar snin, Gvernijiet Laburisti investew mas-€750 miljun fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku u mal-€220 fuq id-distribuzzjoni tiegħu madwar il-pajjiż.
Bil-maqlub fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, tali investiment mhux biss kien fjakk, iżda pajjiżna kien jiddependi biss fuq il-powerstation l-antika tal-Marsa u l-impjant tal-BWSC, li t-tnejn kienu jniġġsu n-naħa t’isfel tal-pajjiż u jimlew ir-residenzi tal-akwati bit-trab iswed velenuż.
Sadanittant, waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista, ONE News staqsa proprju lill-kelliema Nazzjonalisti dwar dan, iżda evitaw kompletament li jittrattaw dan l-imbarazzament.
Id-Deputat Ivan Castillo, viżibilment skomdu, ma weġibx id-domanda speċifika li saret minn ġurnalist ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet u pprova jbiddel is-suġġett.
ĠURNALIST: “L-Enemalta bażikament ħarġet stqarrija li fiha gidbet dak li ntqal mill-Partit Nazzjonalista dwar allegazzjonijiet fuq il-provvista tad-dawl fl-Isptar Mater Dei. Ladarba għadha ma ħarġitx reazzjoni għal din l-istqarrija, Onorevoli Castillo, xtaqt il-fehma tiegħek dwar dan”.
IVAN CASTILLO: “Il-problema realistika meta tibda tħares lejn il-provvista tal-elettriku tad-dawl, hi waħda, li jiddispjaċini ngħid…”
Wara li ġbidnilu l-attenzjoni li kien qed jaħrab il-mistoqsija u twaqqafna milli nkomplu nistaqsu, meta lejn l-aħħar tal-konferenza tal-aħbarijiet, l-istess Castillo staqsa jekk kienx hemm aktar domandi, ONE News kompla jitlob għal reazzjoni.
Minkejja dan, Castillo u Buttigieg assolutament ma ridux jisimgħu, waqt li qamu minn posthom u telqu ’l barra.
IVAN CASTILLO: “Għandkom xi mistoqsijiet oħra?”
ĠURNALIST: “Onorevoli, staqsejt jekk hawnx mistoqsija oħra u għandi mistoqsija oħra jekk ma jimpurtax.”