Il-Partit Nazzjonalista qal li fi żmienu fil-Gvern, ma xxaħħaħx biex jirranġa l-moll taċ-Ċirkewwa.
Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said waqt dibattitu dwar Għawdex mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fuq il-programm Xtra.
Fil-bidu tal-programm fuq is-suġġett tal-Fast Ferry, li s-servizz tiegħu tnieda fl-ewwel ta’ Ġunju, Chris Said ipprova jġaħġaħha li l-Partit Nazzjonalista wkoll ikkontribwixxa biex itejjeb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
Qal, “Ma xxaħħaħniex biex nirranġaw il-moll taċ-Ċirkewwa biex jiġi iktar safe.”
Madankollu konvenjentament l-istess Deputat nesa jsemmi kif it-terminal taċ-Ċirkewwa li nbena taħt Gvern Nazzjonalista, ssawwar b’konkos inferjuri u bi strutturi mhux konformi ma’ standards Ewropej.
Pont li sewa mal-€10 miljun u li lanqas laħqu għaddew 6 snin li ma bdewx jidhru x-xquq fl-istrutturi tiegħu, b’riżultat li kien ta’ periklu għal kull min jgħaddi minn fuqu.
Jekk xejn, dan il-każ irrepeta ruħu fl-2014 fl-Isptar Mater Dei meta Gvern Laburista kien beda bi pjanijiet sabiex jibni żewġ sulari fuq l-emerġenza sabiex jiżdiedu s-sodod fl-isptar.
Dakinhar ġie skopert konkos difettuż hekk kif analiżi tal-binja mill-kumpanija internazzjonali Arup kienet iwriet li l-konkrit fil-binja tal-emerġenza ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jiflaħ iż-żewġ sulari.
Riżultat ta’ dan ġiet stmata l-ispiża ta’ €150 miljun mit-taxxi tal-poplu biex dan il-konkos jittranġa.
Madankollu Chris Said waqt l-istess dibattitu donnu kkuntenta ruħu li l-isptar ma waqax.
Sostna, “L-isptar ma waqax. Qed ngħid għall-isptar Mater Dei. L-isptar Mater Dei għadu hemm u ma ntefaq xejn biex jiġi rranġat għax kienet kollha gimmick biex nippruvaw ngħidu li kien hemm problema.”
Intant, hekk kif kien qed jiġi diskuss is-servizz effiċjenti tal-Fast Ferry, Chris Said inqabad jitkellem fuq xi ħaġa li għadu ma użax.
Dan hekk kif tenna li qed juża s-servizz tal-Gozo Channel.
Malli l-Ministru Camilleri nnota dan, Chris Said ma għamel xejn biex jinnega dak l-intqal.
Qal, “Qas biss uża l-Fast Ferry. Kif tista’ inti titkellem fuq il-Fast Ferry meta għadu ma użax il-Fast Ferry u meta eluf ta’ Għawdxin għamlu użu minnu u żgur li se jkunu qed jiġġudikaw huma.”
Tul id-dibattitu ntmess ukoll is-suġġett tal-mina ta’ bejn Malta u Għawdex. Suġġett li jikkonferma u-turn wara oħra għall-Partit Nazzjonalista li għalkemm kien qal li huwa favur, issa Chris Said baqa’ jsostni li l-Partit ta’ Bernard Grech ikun biss favur wara li jsiru l-istudji kollha neċessarji.
Hawnhekk, Chris Said reġa’ tenna li huwa favur referendum minkejja li kien hu stess li fl-2015, attenda u tkellem f’konferenza kontra referendum dwar il-mina.
Intant bl-istess ton u rettorika ta’ Bernard Grech li qed jgħodd il-ġranet ta’ Gvern Laburista, Chris Said qal hekk.
Qal, “Dawn se jkunu t-tikketti li se jġorr miegħu meta jispiċċa minn Ministru.”