Fi stqarrija li ħareġ b’referenza għal konferenza tal-aħbarijiet li organizza l-Partit Nazzjonalista iktar kmieni llum, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li l-messaġġ li wassal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni waqt dik il-konferenza jfisser indħil mill-politiċi fuq il-ħidma u l-operat tal-istituzzjonijiet indipendenti, bħalma huma dawk tal-Avukat Ġenerali u l-ġudikatura.
“Din it-tip ta’ kultura u attitudni lejn l-istituzzjonijiet hija xempju ta’ dawk li ma jafux kif taħdem is-saltna tad-dritt, jew jagħżlu li japplikaw il-prinċipju meta jaqbel lilhom biss,” qal il-Ministeru. “Il-gvern qed isaħħaħ l-istituzzjonijiet bir-riżorsi kollha neċessarji, kif anke ħareġ biċ-ċar fl-aħħar jiem, fil-Budget għall-2023, fejn l-istima finanzjarja tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se tiżdied b’6 fil-mija għal €3.5 miljun.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal li dan il-Gvern hu ffukat biex ikompli jwettaq ir-riformi neċċessarji biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt u governanza. Dan il-gvern dejjem kien kuraġġuż biex jimplimenta riformi bħal dawk relatati mal-ħatriet tal-ġudikatura, liġijiet bħat-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi, il-Liġi tal-Whistleblower, u emendi fil-kodiċi kriminali, fost ħafna oħrajn. Kompla jgħid li l-Gvern se jkompli jressaq aktar riformi, speċjalment fil-proċess tal-kumpilazzjonijiet u r-rinviji, u l-inkjesti maġisterjali.
Il-Ministru Attard qal li dan il-gvern dejjem sostna li dan huwa settur sensittiv, fejn kull deċiżjoni li tittieħed trid tkun ispirata mill-prinċipju li ssir ġustizzja, tidher li qed issir u ssir fi żmien raġonevoli.
Sostna li xogħol il-politiku hu li jagħti l-għodod kollha neċessarji lill-istituzzjonijiet biex jaqdu dmirhom bl-aħjar mod, filwaqt li għandhom jitħallew jaħdmu f’serenità.