Numru ta’ eks ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista mistennija jiftħu kawża legali kontra l-istess employer tagħhom fis-snin l-imgħoddija wara li skoprew li kellhom ammont ta’ bolol li baqgħu qatt ma tħallsu fuq diversi snin, anke jekk dan kien obbligu legali.
Żvela dan il-ġurnalist Karl Stagno Navarra fuq il-midja soċjali tiegħu l-Ħadd filgħodu, fejn ukoll żied li qed jiffinalizza kwerela kriminali kontra Austin Gatt, Joe Saliba u Lawrence Gonzi, bħala eks Segretarji Ġenerali Nazzjonalisti, li kienu responsabbli fit-tmexxija fiż-żmien li kien impjegat mal-midja Nazzjonalista.
Wara li kien diġà kkummenta dwar il-każ personali tiegħu, fejn sab li kellu 15-il sena ta’ bolol mhux imħallsin, Stagno Navarra tenna li mhux ta’ b’xejn li ebda awditur ma jrid jiffirma t-tbażwir fir-rapporti finanzjarji annwali tal-Partit illum il-ġurnata.
Mal-Lovin’ Malta, il-Partit Nazzjonalista mhux biss iddikjara li veru hemm dawn il-pendenzi, iżda qal li laħaq ftehim mad-Dipartiment tat-Taxxi biex iħallas dak li kien dovut minnu, li jingħad li jlaħħaq fil-miljuni.
Dan ifisser, kif indika wkoll Stagno Navarra, li għal snin twal il-Partit Nazzjonalista wettaq ir-reati gravi ta’ falsifikar ta’ dokumenti uffiċjali, bħalma hi l-FS3 annwali, u l-miżapproprjazzjoni ta’ fondi li suppost marru għall-pensjoni tal-ħaddiema tiegħu stess biex, minflok, tefagħhom f’butu.
U dan b’dannu għall-ħaddiema tiegħu stess u l-familji tagħhom.
“Jekk għamluha lili u lil sħabi li ħadmu fil-PN, jagħmluha lil kulħadd. Jekk dawn mill-Oppożizzjoni qed jipprovaw jaħbu din il-verità tant serja, min jaf x’kapaċi jaħbu mill-poplu meta u jekk ikunu fil-Gvern.”
Karl Stagno Navarra