L-Oppożizzjoni Nazzjonalista attakkat lill-Kamra tal-Avukati talli din irrappurtat lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi għall-aġir tiegħu bħala Avukat meta attakka lill-Imħallef Giovanni Griscti qabel kellu jagħti deċiżjoni fil-Qorti dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Joe Ellis, deherlu li joħroġ kontra l-President tal-Kamra tal-Avukati Louis de Gabriele, li kiteb lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fuq l-aġir ta’ Jason Azzopardi.
Il-Kamra tal-Avukati wriet tħassib għall-kummenti t’Azzopardi li taw impressjoni li l-Imħallef seta’ kellu kunflitt ta’ interess.
Qalet li għalkemm il-ġudikanti jistgħu jkunu soġġett għall-kritika, huwa inaċċettabbli li wieħed jipprova jinfluwenza deċiżjoni billi eżatt qabel, Imħallef jitpoġġa f’dell ikrah.
Il-Kamra tal-Avukati qalet li meta aġir bħal dan ġej minn xi ħadd mill-professjoni legali, fejn suppost jaf aħjar, l-affarijiet huma aktar serji.
Dan qalitu wara li Jason Azzopardi nfexx jattakka lill-Imħallef Griscti għaliex fl-2008 dan xtara dgħajsa m’għand missier Yorgen Fenech.
Ftit wara kien żvelat li fl-istess sena, lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2008, Jason Azzopardi talab lil Yorgen Fenech biex joħorġu ta’ nies u jorganizza coffee morning għan-nies tad-distrett tiegħu fil-ball room tal-Hilton mingħajr ma joħroġ ċenteżmu.
Quddiem dan kollu, id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis, l-Avukat ukoll tal-għaqda Repubblika, wera solidarjetà ma’ Jason Azzopardi.