Il-Partit Nazzjonalista ddefenda r-rigali l-“ġodda” li ġie żvelat li ħa Jason Azzopardi m’għand Yorgen Fenech u l-grupp li kien involut fih.
Fl-aħħar sigħat bdew ħerġin iżjed stejjer li Jason Azzopardi ħa iktar rigali m’għand ta’ Fenech fosthom coffee morning man-nies tad-distrett tiegħu, li tħallaslu minn Yorgen Fenech.
Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista ma ħariġx stqarrija uffiċjali, minflok wieġeb mistoqsijiet tal-Lovin Malta, is-sit li sa ftit tal-ġimgħat ilu kien jitmexxa minn dak li issa qed imexxi l-kampanja ta’ Bernard Grech.
Mal-Lovin Malta, il-Partit Nazzjonalista skuża u ħareġ għonqu għal Jason Azzopardi.
Qal li dan id-deputat m’għandux jitpoġġa fuq l-istess miżien ta’ ħaddieħor u qal li dak li qed isir huwa falz.
Il-Partit Nazzjonalista ħass li kellu joħroġ dikjarazzjoni ta’ difiża fuq l-aħħar rabtiet żvelati bejn Jason Azzopardi u s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia iżda mhux l-istess għamel għal Adrian Delia.
Fil-fatt meta s-sit Lovin Malta rrapporta li Delia kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari dwar il-kumpanija 17 Black, il-Partit Nazzjonalista ma ħarrikx imqar saba’ wieħed biex jiddefendi lid-deputat u eks Kap tiegħu.
Saħansitra tas-Civil Society Network, li jkunu fil-protesti ma’ ta’ Repubblika u Manuel Delia, ftaħru li l-Partit Nazzjonalista mhux jaqbeż għal Adrian Delia.
Il-midja tal-Partit Nazzjonalista wkoll ingħatat struzzjonijiet mit-tmexxija tal-partit biex tagħtix spazju lil Adrian Delia.
Fil-fatt meta Delia mar jiftaħ libell lil-Lovin Malta għaliex skontu dak irrappurtat huwa gidba, fil-bullettin tal-aħbarijiet ta’ dakinhar fuq it-televiżjoni, l-istazzjon Nazzjonalista lanqas imqar ġab xi ħaġa dwar dak li kien għamel Delia.
Issa l-istorja hija għal kollox differenti, għaliex involut hemm Jason Azzopardi tal-Blue Heroes, id-Deputat li kien minn tal-bidu li mbotta lil Bernard Grech biex isir Kap flok Adrian Delia.
ARA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2021/08/23/jattakka-imhallef-fuq-xiri-legittimu-izda-fl-istess-sena-azzopardi-thallaslu-coffee-morning-minn-fenech/