Qabel lanqas biss kien għadu rifess l-għatba tal-Qorti, il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ħareġ għonqu u ddefenda lill-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-każ fejn ġie akkużat li kiser il-proċeduri tal-Qorti, anke jekk jaf sew x’inhuma.
Stqarrija ffirmata mid-Deputat Karol Aquilina, ħu l-istess Robert Aquilina, li akkumpanja lil Azzopardi fi Triq ir-Repubblika l-Belt, il-Partit Nazzjonalista ppretenda l-impunità fuq l-eks Deputat tal-‘Blue Heroes’.
Stqarrija li Jason Azzopardi ħa gost biha, tant li hu u ħiereġ mill-Qorti wara s-seduta, spiċċa saħansitra jirringrazzjahom.
“Grazzi lill-Oppożizzjoni tal-istqarrija ta’ kuraġġ u ta’ appoġġ. In-Nutar Robert Aquilina.”
Jason Azzopardi
B’rabta mal-istqarrija tal-PN, ħareġ iwieġeb il-Partit Laburista fejn stqarr kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech jaħseb li f’Malta teżisti liġi għall-allat tal-klikka u oħra għaċ-ċittadini l-oħrajn.
L-istqarrija temmet tgħid li, filwaqt li bħal f’kull każ, huma l-istituzzjonijiet li jiddeċiedu ħtija jew le, il-każ reġa’ kkonferma l-ipokresija tal-Partit Nazzjonalista.
Sadanittant, mal-midja, Jason Azzopardi qal li hu ma jistax jitkellem fuq il-każ li ġie mressaq dwaru, minkejja li l-Qorti ma tat l-ebda ordni f’dan ir-rigward.
“Ovvjament ma nistax nitkellem fuq il-każ.”
Jason Azzopardi
Bil-maqlub, dwar il-każ, tkellem il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, fejn spjega kif proċeduri tal-Qorti, kif joħroġ minn Kapitlu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta, iċaħħdu lil min jiġbed filmati fil-bini u, meta wieħed jonqos milli jaġixxi b’mod korrett f’dan ir-rigward, il-Qorti għandha s-saħħa bil-liġi li tieħu azzjonijiet xierqa kontrih.
“Hu stabbilit li, fil-Qorti, m’għandhomx jittieħdu filmati mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Prim Imħallef jew tal-amministazzjoni tal-Qorti, kif fil-fatt seħħ. Is-sezzjoni tal-Qorti, b’responsabbiltà ħaddet il-passi li kellha tieħu. Din mhux kwistjoni ta’ awtorizzazzjoni, imma qed niżguraw li, fil-bini tal-Qorti, jirrenja l-bon ordni.”
Il-Ministru Jonathan Attard