Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem tiegħu għall-Enerġija, Mark Anthony Sammut, ipprova jċekken it-tgħaffiġa li għamel fl-aħħar ġimgħat meta ppropona l-liberalizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-pajjiż.
Dan fl-istess ħin li xorta kompla jimbotta l-proposta.
F’opinjoni fis-Sunday Times u b’intervista fil-Malta Independent on Sunday, Sammut ibbaża l-argumenti tiegħu fuq dak li skontu “hu biss twerwir mill-Partit Laburista” meta, kif żvelat mill-gazzetta KullĦadd, diversi studji internazzjonali minn akkademiċi ta’ universitajiet rinomati juru eżatt dak li qed jgħid il-Gvern.
Rapporti tekniċi u professjonali wrew kif f’pajjiżi Ewropej, li illiberalizzaw is-settur diġà, il-kontijiet għall-familji u n-negozji għolew biss.
Kif diġà għamel fuq il-programm XTRA meta ddibatta s-suġġett mal-Ministru Miriam Dalli ftit ilu, Sammut ikkonferma kif il-Partit Nazzjonalista qata’ qalbu milli jargumenta fl-Unjoni Ewropea favur iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ pajjiżna biex tiġi nnegozjata deroga minn direttiva relatata. U dan kif hemm diġà f’pajjiżi oħrajn.
Minflok uża proġett li twettaq biss fl-aħħar snin u oħrajn fil-pjani tal-Gvern attwali Laburista, biex jipprova jdgħajjef tali raġunar prospettiv biex xorta jiġġustifika l-proposta skaduta Nazzjonalista.
Fl-artiklu tiegħu fit-Times, il-membru tal-establishment Nazzjonalista qal li llum m’għadhiex skuża li ngħidu li, bħala pajjiż, aħna maqtugħin mill-grid Ewropea, ladarba għandna interconnector ma’ Sqallija, qed jiġi ppjanat ieħor simili u tħabbar li ieħor mal-Afrika ta’ Fuq jinsab fil-pipeline.
Waqt li l-ewwel interconnector ta’ pajjiżna twettaq mill-ewwel amministrazzjoni Laburista fl-2015, wara li l-aħħar Gvern Nazzjonalista lanqas biss kien applika għall-permessi relattivi, iż-żewġ proġetti tal-aħħar li semma tħabbru riċentament bħala parti mill-pjani ambizzjużi tal-Gvern, immexxi minn Robert Abela, biex ikompli jirrivoluzzjona s-settur, li sal-2013 kien biss f’xifer ta’ falliment.
U waqt li jindika li, bi Gvern Nazzjonalista, il-poplu xorta jista’ jibqa’ jiġi ssussidjat, avolja jkollu jġorr spejjeż żejda bil-liberalizzazzjoni tas-suq, kif kienu imposti “bil-qalb” fi żmien GonziPN, Sammut enfasizza li dan hu l-pjan tal-PN għall-ġejjieni.
Skont studji kkwotati fl-aħħar jiem u mill-KullĦadd, fosthom mill-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Ewropej (ETUC), l-Università rinomata ta’ Stanford fl-Istati Uniti tal-Amerka u -Università wkoll rinomata ta’ Cambridge fl-Ingilterra, dak li qed jipproponi l-PN ifisser biss piżijiet kbar għall-familji u n-negozji lokali.
Fejn seħħet tali liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, residenzi u industriji ma rawx kontijiet orħos, partikolarment minħabba li żdiedu l-ispejjeż fin-network u t-taxxi relatati.
Meta kienet qed tieħu sehem fil-programm ta’ diskussjoni XTRA fuq TVM, flimkien mal-istess Mark Anthony Sammut, il-Ministru Miriam Dalli wkoll semmiet kif f’pajjiżi b’suq liberalizzat il-kontijiet tad-dawl jiġu bi spiża żejda tad-distribuzzjoni tal-elettriku.