Il-Partit Nazzjonalista mhux se jikkundanna d-diskors ta’ Karol Aquilina, li t-Tlieta filgħaxija fil-Parlament qal li l-Gvern irid joqtol lil min irid hu.
Diskors li ġab il-kundanna ta’ bosta.
Id-diskors iebes ta’ Karol Aquilina kien dan…
KAROL AQUILINA: “Dan huwa Gvern dittatorjali, li jrid jaħtaf hu l-poter mill-organi kollha tal-Istat u jżommhom f’idejh biex jagħmel li jrid hu, biex jabbuża kemm irid hu, biex jisraq kemm irid hu, biex joqtol lil min irid hu. U allura, f’dan il-mument, m’għadhiex aktar m’għadhiex aktar kwistjoni, m’għadhiex iktar kwistjoni.”
DEPUTY SPEAKER: “Ippermettili Onorevoli Karol Aquilina. L-Onorevoli Ministru, iva nisimgħu. L-Onorevoli Ministru Jonathan Attard.”JONATHAN ATTARD: “Li jakkuża lill-Gvern li jrid joqtol lil xi ħadd għandu jirtiraha.”
DEPUTY SPEAKER: “Onorevoli Aquilina, inti qed tgħid li l-Gvern ordna joqtol lil xi ħadd?”
KAROL AQUILINA: “Jiena qed ngħid li l-Gvern irid joqtol lil xi ħadd u nerġa’ ngħidha.”
Għal tali diskors, ma saret l-ebda kundanna mill-Partit Nazzjonalista, anzi sab biss difiża.
DARREN CARABOTT: “Allura tiġi tgħidli li dik mhux relatata ma’ qtil.”
ĠURNALIST: “Imma Karol Aquilina qed jgħid…”
DARREN CARABOTT: “U jiena tajtek ir-risposta.”
Fi stqarrija, it-Tlieta filgħaxija, il-Partit Laburista kkundanna l-aġir ta’ Karol Aquilina.
Il-Partit Laburista rrimarka li dan il-gideb ma jagħmel l-ebda ġieħ lil min jgħidu.
Il-Partit Laburista talab li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech jikkundanna dan id-diskors, iżda kif tixhed id-dikjarazzjoni ta’ Darren Carabott, il-Partit Nazzjonalista ddefenda d-diskors ta’ Karol Aquilina li, fl-aħħar xhur, inkixef li qed jagħti hu l-istruzzjonijiet u ġie msejjaħ bħala l-kap defacto tal-Partit Nazzjonalista bl-ordnijiet li jagħti anke min jidher jew le fuq il-midja Nazzjonalista.