L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista hi xhieda oħra ta’ partit li ma nbidilx. Partit distruttiv minflok kostruttiv.
Qal dan il-Partit Laburista hekk kif spjega li d-dikjarazzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija xhieda oħra ta’ partit li jibbaża l-argumeti tiegħu fuq in-nuqqas ta’ fatti.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern propona l-liġijiet li jsaħħu l-midja wara proċessi bil-moħbi, il-Partit Laburista fakkar kif dan hu proċess li beda minn abbozzi ta’ liġijiet li kienu preżentati fil-Parlament xhur ilu u li seta’ jarahom u jikkumenta dwarhom kulħadd. Tenna kif m’hemm xejn iktar trasparenti milli d-dokumenti tqiegħdhom fuq il-mejda tal-kamra.
Liġijiet li minkejja li diġà kienu frott ta’ konsultazzjoni, il-Gvern ħass li kellu jistenna wkoll ir-rispons tal-kumitat tal-esperti. Liema kumitat fir-rapport tiegħu wkoll rrefera għal konsultazzjoni li għamel.
Il-Partit Laburita kompla jgħid kif il-verità hi li l-abbozzi ta’ liġijiet issaħħu bil-kbir il-professjoni ġurnalistika, tant li kulħadd rrikonoxxa li mir-rispons li ngħata l-Gvern ħa kważi 90%.
“X’ħin induna li l-Gvern ħa ħafna mis-suġġerimenti l-Partit Nazzjonalista spiċċa f’paniku. Issa minflok il-Partit Nazzjonalista jrid jipparteċipa biex isaħħaħ dak propost irid isib skuża biex jabdika mill-irwol parlamentari tiegħu,” qal il-Partit Laburista.
Kien hawn li l-istqarrija tal-Partit Laburista nnutat kif il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ partit tal-le u l-bojkotts filwaqt li minn naħa l-oħra, mill-Gvern, il-Partit Laburista qed ikompli jwettaq riformi importanti.
Riformi li ma jispiċċawx hawn tant li l-kumitat tal-esperti, li jista’ jikkonsulta ma’ min irid, għandu iktar xhur ta’ ħidma biex jipproponi riforma għas-settur tal-ġurnaliżmu.
“Sakemm jitlesta dak il-proċess il-Partit Laburista qed jimplimenta dak li wiegħed fil-manifest elettorali,” temm jgħid il-Partit Laburista.