Il-Partit Nazzjonalista għal darba oħra ma kienx komdu jwieġeb dwar it-tramm bla binarji li qiegħed iwiegħed.
Din id-darba staqsejna lill-kelliem tal-Partit Nazzjonalista biex jgħidilna ħames pajjiżi oħra li fih dan it-tramm qed jintuża diġà.
Iżda minflok wieġeb qalilna biss li l-Partit Nazzjonalista m’għandux għalfejn jiġġustifika l-proposti tiegħu.
Hekk kif il-kelliem ewlieni ma kienx jaf isemmi iżjed pajjiżi fejn dan it-tramm qed jintuża, il-ġurnalist ta’ ONE News tah ftit ħjiel u qallu kif bħalissa qed jintuża biss fiċ-Ċina.
Dan it-tramm kien irrifjutat għal kollox minn pajjiżi oħra bħal Awstralja u Franza. Dan minħabba li wara testijiet li saru instab li fost l-oħrajn is-sistema tiswa iżjed mill-prezz mogħti mill-kumpanija Ċiniża, it-tramm jagħmel ħsara lit-toroq, hemm problema bil-bankini filwaqt li t-tramm jirrikjedi 15 il-metru spazju biex idur.
Konxji li mingħand Peter Agius ma konniex ser nieħdu risposta rajna jekk id-deputat Stephen Spiteri u l-kandidata Julie Zahra setgħux jgħinuh ftit lill-kelliem, iżda lkoll lebbtu ’l barra bla kliem u bla sliem.
Qal, “Onorevoli Spiteri, Julie forsi tgħinuh ftit isemmi dal-ħames pajjiżi li suppost fihom diġa qed jintuża dan it-trackless tram għaliex il-kelliem tal-Partit ma jafx għalkemm qed tgħidu li għamiltu l-istudji. Taf Peter iva jew le? Forsi tista’ tgħidilna inti kandidata wkoll tal-Partit. Ma tafx lanqas?”