Kif kien spjegat fil-Parlament illejla hija fake news u ferm bogħod mill-verità d-dikjarazzjoni li rduppjat il-paga tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Daqskemm hija fake news li l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol ipprova jaħbi xi ħaġa.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li fil-fatt, kif spjegat fil-Parlament illejla, id-dettalji dwar is-salarju tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-ogħla uffiċjali tal-Korp saru magħrufa għaliex kien il-Ministru nnifsu li poġġihom fuq il-mejda tal-Kamra f’risposta għal PQ21730, fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru.
Dan anke jekk id-domanda parlamentari ma kinitx titlob speċifikament dan.
Il-Kummissarju tal-Pulizija ma kienx l-uniku fost l-ogħla uffiċjali tal-Korp li ra bidla fil-kundizzjonijiet tiegħu.
Fil-fatt wara li l-Ministeru saħħaħ il-pagi tal-Pulizija kollha bi ftehim settorali ġdid, mill-istess domanda parlamentari rriżulta li kien hemm reviżjoni fil-kundizzjonijiet tas-Supretendenti, l-Assistenti Kummissarji, u d-Deputati Kummissarji.
L-Oppożizzjoni hija mhedija fil-fake news daqskemm mhedija tattakka l-istituzzjonijiet. Imbagħad tilgħabha li jiddispjaċiha mill-attakki fuq il-membri tal-korp meta bil-fake news tagħha tibqa’ tipprova toskura lill-istess korp.