L-uniku differenza minn dak li qal l-Awditur Ġenerali dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma minn żmien Gvern Nazzjonalista għal-lum hija li l-kontijiet huma orħos.
Dan innutah il-Partit Laburista fi stqarrija fejn saħaq li kontra l-ispin tal-Partit Nazzjonalista, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali ppubblikat l-Erbgħa jikkonferma kif is-sistema tal-kontijiet hi l-istess waħda mħaddma minn dejjem.
Fi kliem ieħor minn żmien Gvern Nazzjonalista.
Dan innutatu ma’ ONE News ukoll il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali li sab li ġeneralment il-kontijiet tal-ARMS inħadmu b’mod korrett u minn dejjem pro-rata.
Qalet, “L-Awditur Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu huwa ċar ħafna, jgħid x’jgħid il-Partit Nazzjonalista. L-Awditur Ġenerali jgħid li l-kontijiet kif inhuma llum huma bbażati fuq sistema li saret fl-2009, jiġifieri daħħalha Gvern Nazzjonalista. Aktar minn hekk aħna nafu li Gvern Nazzjonalista, u dan huwa ddikjarat anke fil-Parlament, ried li l-kontijiet joħorġu kull xahrejn kif qed joħorġu bħalissa.”
F’nofs kriżi tal-enerġija li laqtet l-Ewropa, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin illum mhux biss qed iħallsu kontijiet orħos minn Gvern Nazzjonalista iżda anki fost l-orħos fl-Ewropa.
Fil-fatt, skont il-Eurostat, il-kontijiet tal-enerġija f’Malta huma l-orħos fiż-Żona Ewro u t-tielet l-orħos fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Partit Laburista rrimarka li fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali kkonferma kif bi proposti mgħaġġla u mhux maħsuba, kif ilu jagħmel il-partit ta’ Bernard Grech, jispiċċaw jgħolew il-kontijiet tal-iktar konsumaturi bil-għaqal.
F’dan il-kuntest, fil-Budget imħabbar għas-sena d-dieħla, il-Gvern qali li se jagħmel riforma li tkun tagħmel sens għal kulħadd.
Hawnhekk il-Partit Laburista qal li din se tkun riforma oħra li tindirizza kwistjonijiet li tqajmu b’deċiżjonijiet ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti kif ġara bil-feed in tariffs.
Spjegat, “Dan huwa Gvern li għal darb’oħra qiegħed jindirizza dak li għamel ħażin Gvern Nazzjonalista; u jekk din is-sistema mhix ġusta ma’ kulħadd, aħna qegħdin naraw li dik nindirizzawha. Ħabbarniha fil-budget, ħabbarna sistema li m’għaġġilniex biex inniedu għaliex kuntrarjament għal dak li jrid jagħmel Partit Nazzjonalista, kif qal ukoll l-Awditur Ġenerali li bl-annualisation jistgħu jogħlew il-kontijiet u nasu wkoll li jista’ jkun hemm nies li jitilfu l-eco-reduction, ser inkunu qed indaħħlu sistema li tkun ġusta għal kulħadd.”
Il-Partit Laburista fakkar li l-uniku Gvern li seraq lill-Maltin u l-Għawdxin fil-kontijiet tal-enerġija kien gvern Nazzjonalista li għabba lill-Maltin b’piżijiet ferm ikbar minn dawk ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.
Qal, “Mela toqogħdux tħarsu lura u tgħidu għax se jerġa’ jorħos għax mhux se jerġa’ jorħos. Mela rridu nidrawh.”
Il-Partit Laburista fakkar ukoll f’dak li qal il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ftit tal-jiem ilu, li jagħmel bħal ma għamel il-Gvern ta’ GonziPN u li la l-prezz tal-enerġija għola barra minn Malta, jogħla għal Maltin ukoll.
Qal, “Rigward il-prezzijiet. Meta l-prezzijiet bħal ma ġara fl-2008, 2009, 2010, 2011 U 2012, jogħlew internazzjonalment, jogħlew għal kulħadd.”