It-taħwid tal-Partit Nazzjonalista, b’rabta mas-suppost “viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza” tiegħu tas-slides, baqa’ jiddomina saħansitra anke wara r-replika tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Replika fejn kulħadd stenna li din il-viżjoni se tiġi spjegata f’aktar dettall, iżda minflok kulħadd baqa’ jittama.
Dan deher ċar waqt il-konferenza tal-Partit Nazzjonalista wara r-replika tal-Kap barra l-Parlament, hekk kif ONE News bil-mistqosijiet tiegħu, ipprova jislet aktar dettalji dwar din il-viżjoni.
Staqsejna mistoqsija sempliċi: “Kemm hemm bżonn ħaddiema biex l-ekonomija taħt il-Partit Nazzjonalista tikber b’6%?”.
Ivan Bartolo tas-6pm, l-ewwel qalilna li l-pjan tal-Partit Nazzjonalista biex l-ekonomija tikber b’6% u tibda tħalli r-riżultati, ħa jieħu fit-tul.
“Il-Partit Nazzjonalista, il-pjan hu fuq tmien snin minn meta aħna nkunu fil-Gvern.”
Ivan Bartolo – Deputat tal-PN
Madankollu, konxju bin-nuqqas ta’ tweġiba mill-ġdid għal mistoqsija tant sempliċi, sostna li fuq medda ta’ tmien snin, il-Partit Nazzjonalista ħa jkollu jġib aktar minn 60,000 ħaddiem biex l-ekonomija tal-Partit tiegħu tkun tista’ tikber.
“Ikollna bżonn noħolqu fuq medda ta’ tmien snin, ’il fuq minn 60,000 job.”
Ivan Bartolo – Deputat tal-PN
Din ir-risposta waslet fl-istess waqt li l-istess Ivan Bartolo, tkaża għax Gvern Laburista kabbar l-ekonomija ta’ pajjiżna sena fuq sena.
Sadanittant, din mhux l-ewwel istanza fejn il-Partit Nazzjonaista wera nuqqas ta’ għarfien ekonomiku fl-aħħar jiem.
Fil-fatt, f’konferenza tal-aħbarijiet il-Kelliema responsabbli mill-Ekonomija u l-Finanzi, weħlu meta ġew mistoqsija dwar il-bażiku. Jiġifieri kemm il-Partit Nazzjonalista se jkabbar l-ekonomija tiegħu bil-viżjoni tas-slides.
Dakinhar bqajna mingħajr ebda risposta, ħlief min ifarfar fuq l-ieħor, min ma jistax iwieġeb u min iqalleb fuq il-mobile għar-risposti.