Tkompli s-sensiela ta’ gideb ripetut mill-Partit Nazzjonalista, din id-darba dwar il-Park Nazzjonali tal-Inwadar. Dan wara li qabel ma indenja ruħu jara dak li hemm imniżżel fil-liġi, il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ħareġ stqarrija qarrieqa biex jipprova jħawwad l-imħuħ f’kull qasam, irrispettivament mill-fatti u l-verità fuq il-Ponta taż-Żonqor.
Kien Gvern Laburista li assigura li l-Ponta taż-Żonqor tiġi inkluża fil-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar, kif fil-fatt ġara u wieħed jista’ jivverifika.
Il-Partit Laburista qal, fi stqarrija, li kieku mqar il-Partit Nazzjonalista indenja ruħu jiċċekkja l-fatti qabel joħroġ jitkellem għall-gallarija, kien jinduna li saħansitra anke l-avviż legali juri b’mod ċar li l-Ponta taż-Żonqor tifforma parti mill-Park tal-Inwadar.
Minkejja dan, stqarr li l-Oppożizzjoni ma jinteressahiex tkun kostruttiva u, minflok, tmexxi ’l quddiem il-fake news.