It-taħwid tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mas-suppost viżjoni ekonomika li preżentaha fuq slides f’powerpoint presentation flok il-pre-budget document baqa’ jippersisti.
Wara li f’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputati tal-PN responsabbli mill-ekonomija u l-finanzi, inqabdu ma jafux il-fatti bażiċi, il-konfużjoni baqgħet ma qatgħetx.
Fil-fatt, Ivan Bartolo f’dik il-konferenza tal-aħbarijiet, spiċċa jfittex il-power point presentation bl-islides.
“Qed infittex il-Presentation għax ma ġibtiex miegħi.”
Ftit sigħat wara kien imiss seduta parlamentari, u ONE News reħilha lejn il-Parlament sabiex jiffaċilità x-xogħol ta’ Ivan Bartolo u jippreżentalu l-powerpoint presentation tal-Partit tiegħu stess.
Dan sabiex ikun jista’ jindikalna kemm ħa tkun qed tikber l-ekonomija s-sena d-dieħla, skont il-Partit Nazzjonalista
Madankollu Ivan Bartolo, spiċċa qalilna li din iċ-ċifra lanqas biss kienet fl-islides li ħareġ il-partit tiegħu.
Ġurnalist: “Onorevoli, insellimlek mill-ġdid, għandi l-power point li kont qed tfittex dalgħodu forsi tkun tista’ tgħidli ċ-ċifra.”
Ivan Bartolo: “Mhux hawn ta’.”
Ġurnalist: “Għaliex mhux hawn. Mela l-poplu m’għandux ikun jaf?”
Ivan Bartolo: “Għax mhux hawn, mela aħna nagħtu l-costings lilek.”
Din l-istess attitudni ġiet riflessa propju fit-tweġiba tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif staqsejnih din l-istess mistoqsija.
Din kienet ir-risposta li tagħna.
“Mhux ħa nagħmel bħal Robert Abela li ngħid li ħa tiżdied l-ekonomija.”