Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech kompla bl-istess retorika bħal tal-kampanja elettorali, hekk kif baqa’ jsemmi l-passat.
Dan hekk kif id-deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello waqt il-programm XTRA fuq ix-xandir nazzjonali semmiet il-passat tal-Partit Nazzjonalista.
Qalet, “Irridu nirrikonoxxu li l-Partit Nazzjonalista huwa tal-passat.”
F’dan il-programm, Eve Borg Bonello, li telgħet fil-Parlament permezz tal-mekkaniżmu favur rappreżentanza iżjed ugwali fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, qalet li ma taqbilx ma’ din is-sistema.
Waqt dan il-programm, f’dibattitu mad-Deputat Laburista Cressida Galea, Borg Bonello qalet kif il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni.
Qalet, “Aħna ħriġna l-manifest, kellna l-proposti. Issa jekk dawk ma waslux għand in-nies, ma nistgħux induru u ngħidu li n-nies ma jifmhux.”
Hawnhekk il-preżentatur u ġurnalist ta’ esperjenza Saviour Balzan innota waqt dan il-programm, li wara r-riżultat tal-elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista għadu ma ħax it-tagħlima.
Qal, “Imma l-punt huwa li pereżempju u diġà qed ninnota ċertu supervja. Jiġifieri stedint lil Bernard Grech ma aċċettax, qabel kien jaċċetta mal-ewwel. Kif kien hemm ir-riżultat konna hemm in-Naxxar, jista’ jkun, imma ma tgħidhiex waħħal fiċ-ċekkijiet ta’ €200. Jiġifieri r-reażjoni ma’ kinitx waħda ma’ dak li qed tgħid int.”
Dan il-messaġġ kien rifless f’dak li għamel il-Kap Bernard Grech, li eżatt wara li l-Partit Nazzjonalista kellu l-akbar telfa elettorali mill-Indipendenza ‘l hawn, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech waħħal fiċ-ċekkijiet, waqt li d-Depuat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami akkuża lill-Partit Laburista b’xiri ta’ voti.
Dan filwaqt li l-eks kandidat Nazzjonalista fi żmien Simon Busuttil u ħaten Beppe Fenech Adami, fuq gazzetta lokali qal li l-Partit Laburista ma rebaħx l-elezzjoni b’mod ġust.