Il-Partit Nazzjonalista spiċċa jħawwad ukoll dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li fuqhom qed iserrħu l-maġġoranza tal-wegħdiet ta’ Bernard Grech.
Il-Partit Nazzjonalista qed jorbot il-maġġoranza tal-wegħdiet mal-fatt li n-negozji u l-għaqdiet mhux governattivi isiru ESG.
Xi ħaġa li tirrikjedi spiża għan-negozju ta’ iktar minn 150,000 ewro fis-sena biex tintlaħaq hekk kif spjegat f’rapport tal-Kummissjoni Ewropea.
Iżda meta affaċjati b’dawn il-fatti l-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem Peter Agius spiċċa jgħid li l-kriterji ESG addotati mhux ser ikunu dawk Ewropej.
Din id-dikjarazzjoni tħalli fl-għama n-negozji u l-għaqdiet f’pajjiżna li minħabba l-messaġġ vag li qed jintbagħat mill-Partit Nazzjonalista ma jafux x’ser ikunu dawn il-kriterji u xi spiża jridu jagħmlu biex jilħquhom.
Meta mistoqsi dwar dan, Peter Agius qalilna li imbagħad il-kriterji ser ikunu stabbiliti wara l-elezzjoni.
Skond ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea l-ispiża li jridu jagħmlu l-kumpaniji biex jilħqu dawn it-termini u l-kundizzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista tiżboq bil-bosta t-tnaqqis fit-taxxa mwiegħed mill-istess partit.
Iżda meta mistoqsi dwar dan, il-kelliem Peter Agius kkonferma għal darba oħra li l-Partit Nazzjonalista għadu bla costings.
Qal, “Bħal ma tafu l-kriterji ESG huma kolonna importanti mill-viżjoni tagħna. Dan għandna costings dettaljati li ser jiġu ppublikati fil-jiem li ġejjin.”
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Partit Nazzjonalista ħareġ iwiegħed affarijiet li saħansitra mhumiex inklużi fil-manifest elettorali.
Dan jum biss wara li Bernard Grech tenna li huwa ċar li affarijiet li mhumiex inklużi fil-manifest mhux ser ikunu qed isiru.
Qal, “La mhux qiegħda fil-programm elettorali tagħna, ċara hux.”
Mistoqsi dwar din id-dikjarazzjoni tal-Kap, id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo waqa’ fil-muta, bil-kelliem Peter Agius jagħmel sinjal lil ġurnalista tal-midja tal-Partit Nazzjonalista sabiex tħaffef tagħmel id-domanda.