Il-Partit Nazzjonalista ħassar l-attività politika prinċipali li kellu ppjanata għal-lum f’Santa Luċija minħabba l-protesta li se torganizza l-għaqda Repubblika fil-Belt.
Sorsi, li tkellmu ma’ ONE News, qalu li, wara li Bernard Grech għamel protesta t-Tnejn immontata mill-ogħla esponenti tal-establishment u nies, li jkunu fl-attivitajiet ta’ Repubblika jappoġġjaw lill-Kap Nazzjonalista fl-istess protesta, issa kien imiss li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tagħmel l-istess favur lill-għaqda tal-establishment.
L-għada tal-protesta ta’ Grech, Robert Aquilina, ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, ħabbar il-protesta ta’ Repubblika u l-istess sorsi, li tkellmu magħna, qalulna li minnufih bdew id-diskussjonijiet biex il-Partit Nazzjonalista jappoġġja din il-protesta u dan jagħmlu wkoll billi ma jħalliex attivitajiet tiegħu jaħbtu ma’ oħrajn.
Is-sorsi komplew li deputati, bħal Karol Aquilina, Beppe Fenech Adami u Mark Anthony Sammut, kienu l-kapurjuni li marru għand Grech jordnawlu biex iħassar l-attività ppjanata f’Santa Luċija fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija, l-istess ħin li ta’ Repubblika sejħu l-protesta.
Jidher li Bernard Grech ċeda mill-ewwel, għalkemm idejjaq għall-fatt li l-Partit Nazzjonalista kien diġà beda jirreklama l-attività ta’ Santa Luċija li kellha tiġi mħassra fuq ordni ta’ Repubblika.
Din l-attività ġiet imħassra baxx baxx fejn tneħħa kollox biex jitgħatta l-fatt li tal-Partit Nazzjonalista ħassru attività fuq ordni tal-għaqda Repubblika.
Il-kompromess kien li almenu Bernard Grech jista’ jmur sal-Imġarr biex jagħmel indirizz qasir f’attività qabel il-protesta, imbagħad irid imur il-Belt jagħti l-appoġġ lil ta’ Repubblika li, fuq quddiem hemm Robert Aquilina, Jason Azzopardi u Manuel Delia.
Din mhux l-ewwel darba li ta’ Repubblika ordnaw x’għandu jagħmel Bernard Grech li tpoġġa Kap min-nies li jimmilitaw proprju f’Repubblika, bħal Jason Azzopardi, biex jobdi l-istruzzjonijiet.